Xi drabi mqar persuna

Xi drabi mqar persuna


Simone Galea, imwielda fl-1967, tgħallem il-Filosofija tal-Edukazzjoni, l-Università ta’ Malta. Studjat fl-Università ta’ Malta, u l-Università ta’ Nottingham Trent, ir-Renju Unit minn fejn kisbet borża ta’ studju għad-dottorat tagħha li jittratta filosofiji Femministi, Poststrutturali u edukattivi. Kompliet l-istudji postdottorali fl-Università ta’ Edinburgh. “Xi drabi mqar persuna” hi l-ewwel ġabra ta’ poeżiji tagħha. Hi l-awtriċi tal-ktieb għat-tfal “Il-Metamorfosi tal-Mamà” (KKM, 2011)

L-ispazji
jinfetħu u jingħalqu bejnietna
l-infinit ta’ bejn il-ktieb u l-qoxra tiegħu
l-arja ċċaqlaq sentenzi twal
li għad iridu jiġu.

Meta tasal s’għandi
nħallik taqra
l-intervalli bojod tiegħi
biex nerħi kliem griż ċar
li jsirli mara
qed tgħum bil-mod
bejn ‘l hinn u ‘l hawn
ta’ xtut imqallba
u tħalli marka safra tgħib fir-ramel …

għax xi drabi mqar tkun int qiegħed titbiegħed
biex nikteb ħjiel persunek għal għarrieda.


David Aloisio huwa lettur anzjan tal-lingwa u tal-letteratura Maltija fil-Junior College tal-Università ta’ Malta. Huwa ħa sehem f’konferenzi, kiteb papers u ppubblika kotba relatati mat-tagħlim tal-letteratura Maltija. Fl-2015, rebaħ premju nazzjonali għax-xogħol satiriku tiegħu Only in Ħal Biżarr bħala l-aħjar xogħol oriġinali fil-kategorija tal-kotba għall-adolexxenti. L-interessi tar-riċerka tiegħu jiffokaw fuq ir-relazzjoni, ħafna drabi anzjuża, bejn xogħlijiet letterarji u kif huma organizzati, konxjament jew inkonxjament, mill-psike kollettiv f’listi mhux uffiċjali jew inkella f’kanoni letterarji. Għadu kif ħareġ studju kritiku dwar il-poeżiji ta’ Simone Galea, Mill-Oasi Tiegħi, pubblikazzjoni Merlin Publishers.