L-Akkademja ssellem lill-Prof. Oliver Friggieri

L-Akkademja tal-Malti ssellem lill-Prof. Oliver Friggieri li miet illum is-Sibt, 21 ta’ Novembru 2020 fl-għomor ta’ 73 sena.

Jibqa’ magħruf bħala wieħed mill-awturi l-aktar rispettati tat-tieni nofs tas-seklu għoxrin kif ukoll bħala l-kritiku ewlieni tal-letteratura Maltija, poeta u kontributur regolari f’ġurnali u rivisti akkademiċi kemm Maltin kif ukoll barranin.

Oliver Friggieri twieled il-Furjana fl-1947. Beda jikteb il-poeżija meta kien għadu fl-iskola Primarja tal-Furjana, minn fejn għadda għas-Seminarju u għall-Università. Hu l-awtur ta’ numru kbir ta’ kotba (poeżija, rumanzi, novelli u kritika) maħruġa f’Malta u f’diversi pajjiżi barranin. Ir-rumanzi, in-novelli, u l-poeżiji tiegħu ġew maqlubin f’diversi lingwi. L-istudji tiegħu, bl-Ingliż u bit-Taljan, dehru f’għadd kbir ta’ rivisti akkademiċi internazzjonali.

Kien l-ewwel student li ggradwa MA (1975) fil-letteratura Maltija u aktar tard kiseb ukoll il-grad ta’ Ph.D. (1978) b’teżijiet ta’ kritika komparata – La Cultura Italiana del Romanticismo e la Poesia Maltese (1978).

Huwa kien kofundatur tal-Moviment Qawmien Letterarju, u għamel żmien l-editur ta’ Il-Polz (1969-1973) – ir-rivista tal-Moviment. Kien ukoll kofundatur tar-rivista Sagħtar u ħadem mill-qrib ma’ Pawlu Mizzi biex twaqqaf il-Klabb Kotba Maltin fl-1971.

Huwa beda l-karriera tiegħu bħala għalliem fl-iskejjel sekondarji fejn għallem il-Malti u l-Filosofija (1968-75) u aktar tard inħatar lettur fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta (1976-90). Kien Kap tad-Dipartiment tal-Malti, kariga li żamm mill-1988 sal-2002 u Professur tal-Letteratura mill-1990. Kien editur ta’ Journal of Maltese Studies (1980).

Minn taħt idejh għaddew mijiet ta’ studenti li komplew bil-karriera tagħhom jgħallmu l-Malti u ħafna komplew ir-riċerka tagħhom fl-oqsma tal-Malti.

Ittraduċa xogħlijiet mil-Latin, mit-Taljan u mill-Ingliż, fosthom De Arte Poetica ta’ Orazju, Ħrejjef għat-Tfal ta’ Grimm u Andersen u Il-Ħanut tal-Arġentier ta’ Karol Woytyla.

Aktar minn 60 ktieb tiegħu nqalbu f’diversi lingwi, f’pajjiżi barranin. Ir-rumanzi tiegħu ġew tradotti f’16-il lingwa, fosthom l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, l-Urdu, il-Grieg, il-Maċedonjan u r-Rumen.

Fost ix-xogħlijiet ewlenin tiegħu nsibu d-Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji (1996) meqjus bħala l-Magnum Opus tiegħu. Kiteb l-ewwel Oratorja bil-Malti – Pawlu ta’ Malta (1989) u l-ewwel kantata – L-Għanja ta’ Malta (1989).

Oliver Friggieri kien editur ta’ għadd sabiħ ta’ antoloġiji, fosthom Il-Poeżija Maltija (1996), Ħodon Qronfol (1990) u L-Antoloġija tan-Natura (1995) ma’ Mario Azzopardi.

Huwa ppubblika ammont kbir ta’ studji kritiċi f’perjodiċi u kotba akkademiċi internazzjonali u indirizza madwar sebgħin kungress fi bliet Ewropej.

Oliver Friggieri rebaħ għadd sabiħ ta’ premjijiet internazzjonali fosthom l-ewwel premju għall-Kritika Letterarja fil-XIV Concorso Silarus (1982); il-Premio Internazionale Mediterraneo, Palermo (1988); il-Premju Letterarju mill-Gvern Malti (1988, 1997, 1999, 2002) u l-Premio Sampieri per la Poesia, Marsa Siklah, Sqallija (1995). Kien membru tal-Association Internationale des Critiques Litteraires ta’ Pariġi.

Fl-2003 ngħata l-Midalja tad-Deheb mis-Soċjetà Manifattura tal-Arti u l-Kummerċ. Fl-istess sena ngħata r-raba’ ‘Premio Internazionale Trieste Poesia’ – mogħti lill-awturi internazzjonali għall-kontribuzzjoni poetika tagħhom f’kotba ppubblikati barra minn pajjiżhom.

Fl-2016, l-Akkademja tal-Malti onoratu bil-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ għall-kontribut letterarju eċċezzjonali tiegħu f’ċerimonja speċjali taħt il-Patroċinju tal-Presidenta ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Xi kotba tiegħu: Stejjer għal Qabel JidlamIl-GidbaFil-Parlament ma Jikbrux FjuriĠiżimin li Qatt ma JiftaħIt-Tfal Jiġu bil-VapuriStorja tal-Letteratura MaltijaDizzjunarju ta’ Termini LetterarjiIl-Kultura Taljana f’Dun KarmL-Istudji Kritiċi MiġburaMal-Fanal Hemm Ħarstek Tixgħel.

Il-Presidenta u l-membri tal-kunsill jinsabu maħsudin bl-aħbar ta’ mewtu. Nixtiequ nfissru s-sogħba tagħna lil martu Eileen, lil bintu Sara u n-neputijiet tiegħu. Ngħaddu l-kondoljanzi tagħna lil qraba u l-ħbieb tiegħu wkoll.

Prof. Oliver Friggieri jibqa’ għal dejjem il-kuxjenza tan-nazzjon tagħna.

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.