Dun Karm fit-traduzzjoni

Serata f’ġieħ Dun Karm, fix-xahar marbut miegħu.

Dun Karm twieled f’Ħaż-Żebbuġ fit-18 ta’ Ottubru 1871. Il-ġenituri tiegħu kienu wlied ir-raba’ imma missieru kien spiss ibaħħar bejn Malta u l-Greċja u artijiet oħra u għalhekk Dun Karm kien aktar intrabat ma’ ommu.

L-ewwel skola li studja fiha Dun Karm kienet l-iskola Primarja tal-Gvern ta’ Ħaż-Żebbuġ u kien tfajjel fuq tiegħu medhi fil-logħob tat-tfulija. Aktar tard studja s-Seminarju u ta’ 23 sena sar qassis u beda jgħallem is-Seminarju.

Fl-1896 ħareġ l-ewwel ktieb ta’ versi bit-Taljan, Foglie d’alloro, ġabra ta’ sebgħa u tletin poeżija li kiteb bejn is-sbatax u l-erbgħa u għoxrin sena ta’ ħajtu.

Waħda mill-ġrajjiet koroh li ħallew effett kbir fuqu kienet il-mewt ta’ ommu fl-1909. Ma’ din il-kriżi ssieħbet oħra ftit wara meta fl-1910 l-awtoritajiet tal-Knisja ġiebu minn Ruma lill-Kardinal La Fontaine biex jifli l-qagħda ekkleżjastika tal-gżira. Ir-riforma laqtet sewwa lis-seminarju fejn kien jgħallem Dun Karm u ġiebet bidla sħiħa fil-ħajja tal-poeta għax ma tħallewx jgħixu u jorqdu aktar fil-bini tas-seminarju. Minn issa ’l quddiem, Dun Karm sab ruħu maqtugħ mill-ambjent li ħabb u beda jgħix f’solitudni kbira. Hu stess jistqarr li sab ruħu “midfun ħaj fi tliet kmajriet fil-Belt fejn ma kont naf lil ħadd u ħadd ma kien jafni”. Imma f’din id-dar li tinsab fi Triq l-Ifran fil-Belt u li għex fiha f’iżolament sħiħ għal 26 sena kiteb uħud mill-aqwa xogħlijiet tiegħu.

Kien fl-1912 meta għodwa waħda, Mons. Pawl Galea u Ġużè Muscat Azzopardi ltaqgħu miegħu fil-Palazz il-Belt u talbuh jiktbilhom poeżija bil-Malti għal rivista bl-isem Il-Ħabib. Kellha tkun din l-okkażjoni li wara snin twal ta’ kitba bit-Taljan ħajritu jibda jikteb bil-Malti. L-ewwel poeżija ta’ Dun Karm bil-Malti, Quddiem Xbieha tal-Madonna dehret fl-ewwel ħarġa ta’ Il-Ħabib fl-1 ta’ Frar 1912. Kellu 40 sena.

Minn dakinhar Dun Karm baqa’ jikteb bil-Malti u poeżiji bħal L-Innu Malti, L-Għanja tar-RebħaLil Malta,Għal Dun Mikiel XerriLil Mikiel Anton Vassalli u Wied Qirda wassluh biex ikun magħruf bħala l-poeta nazzjonali. Imma aktarx li l-aqwa biċċa xogħol tiegħu hi Il-Jien u Lil hinn Minnu – poeżija twila li hu stess iddefinieha bħala “għanja tal-moħħ, tal-qalb u tar-ruħ”.

Dun Karm miet fl-isptar tal-Blue Sisters fit-13 ta’ Ottubru tal-1961.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.