Għeżież membri,
L-inkoraġġiment u l-appoġġ li tajtuna fil-Laqgħa Ġenerali kompla jħeġġiġna nissuktaw il-ħidma tagħna sabiex niċċelebraw kif jixraq iċ-ċentinarju tal-Akkademja.
Matul dan iż-żmien tal-pandemija, l-enerġija u r-riżorsi tagħna marru l-aktar fuq il-pubblikazzjonijiet tagħna u t-tisħiħ tas-sit elettroniku minn fejn tistgħu ssegwu u tisimgħu bosta mit-taħditiet u s-seminars li organizzajna fil-passat, filwaqt li żżommu ruħkom aġġornati mill-paġna tagħna fuq Facebook.
Il-ħidma qed tkompli wkoll fl-edizzjonijiet li jmiss ta’ Il-Malti – il-ħarġa akkademika (2019) u l-ħarġa letterarja ta’ dis-sena, filwaqt li qed jissoktaw il-proġetti li għandna ma’ Heritage Malta, il-pubblikazzjoni ta’ Is-Sessiżmu fil-Lingwa Maltija u l-varar tal-verżjoni elettronika tal-ittri strambi kollha li nsibu fl-alfabetti qodma tal-Malti.
Bi pjaċir ngħarrfukom ukoll li fix-xhur li ġejjin se nkunu qed naħdmu fuq żewġ Ħarġiet Speċjali ta’ Il-Malti –
1. Ħarġa Speċjali li tiġbor fiha l-ġrajja tal-Akkademja, il-ħidma li għaddejjin minnha u l-isfidi li hemm quddiemna.
2. Ħarġa Speċjali bil-kitbiet letterarji tagħkom il-membri, kemm dawk stabbiliti kif ukoll dawk li għadhom qed jibdew il-karriera tagħhom fil-kitba artistika bil-Malti.
Għaldaqstant, nieħdu din l-okkażjoni biex nistednukom tibagħtu l-kitbiet tagħkom għal din il-ħarġa speċjali letterarja ta’ Il-Malti li biha se nkunu qed niċċelebraw għeluq il-100 sena mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti.
Il-kitbiet, li jistgħu jkunu kemm fi proża kif ukoll poeżija għandhom ikunu oriġinali u ma dehru ppubblikati mkien qabel id-data tal-għeluq. It-tema tal-kitbiet għandha tkun marbuta mal-idea ta’ 100. Minħabba li din il-ħarġa se timmarka l-100 sena mit-twaqqif tal-Akkademja tal-Malti.
Pubblikazzjoni unika f’okkażjoni ta’ darba f’ħajjitna.
Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu permezz tal-posta elettronika f’dan l-email: info@akkademjatalmalti.org jew fl-indirizz postali: ‘Dar Doreen Micallef’, 12, Flat 1, Triq Sant’Andrija, Il-Belt Valletta VLT 1341 sal-aħħar ta’ Settembru 2020.
Nixtiqulkom is-saħħa.
Il-Kunsill
28 ta’ Lulju 2020