L-editorjal ta’ Dr Josette Attard
Merħba għal din il-ħarġa letterarja ta’ Il-Malti b’varjetà ta’ xogħlijiet letterarji kif ukoll ta’ kittieba. Ladarba qiegħda nsemmi lill-awturi, nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-kontributuri kollha tax-xogħlijiet interessanti li bagħtulna biex din ir-rivista tissokta xxerred ġeneri letterarji diversi fost il-poplu Malti kollu, kif ukoll tkompli tagħni l-istorja letterarja nazzjonali kif ilha tagħmel għal dawn l-aħħar kważi mitt sena. U tassew il-bord editorjali qagħad attent biex din il-ħarġa letterarja tkun varjata kemm jista’ jkun.
Imma varjata f’liema sens? Varjetà mhux biss ta’ kittieba, li jirrappreżentaw kemm il-ġenerazzjoni moderna bħal Ġorġ Borg, Victor Fenech, Charles Bezzina, Trevor Zahra u oħrajn, iżda wkoll hemm rappreżentanza tal-ġenerazzjoni kontemporanja bħal Claudia Gauci, Immanuel Mifsud, Rita Saliba, Paul Zahra u l-bqija. Hija varjetà li tindika wkoll għażla bejn kittieba maskili kif ukoll femminili. U la qiegħda nsemmi l-kittieba femminili, nixtieq nagħmel appell biex aktar kittieba nisa jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw aktar billi jagħtu sehemhom f’rivisti letterarji lokali li mhux biss għandhom storja twila warajhom, iżda wkoll li maż-żmien kisbu ċertu kalibru.
Varjetà wkoll ta’ ġeneri u stili. Minkejja li din il-ħarġa hija maqsuma fi tliet ġeneri: il-poeżija, in-narrattiva u t-traduzzjoni letterarja, fi ħdan kull ġeneru hemm stili diversi li jirriflettu kemm il-personalità u l-burdata ta’ kull kittieb/a, kif ukoll il-perjodu li fih ikun inkiteb ix-xogħol. Hija varjetà maħsuba biex tikser il-monotonija u biex tikxef ukoll ċerta esperimentazzjoni fil-kitba b’mod speċjali taż-żmien attwali. Ngħidu aħna f’din il-ħarġa wieħed jiltaqa’ ma’ żewġ mikro-stejjer ta’ Rita Saliba, li l-ġeneru tagħhom għadu fil-fażi esperimentali fix-xena letterarja lokali. Il-ħsieb warajhom hu li kittieba oħra jitħajru jiżviluppaw u jistabbilixxu dan il-ġeneru li kapaċi joffri gost u jistimula aktar il-ħsieb f’kitba daqshekk qasira li mhix daqstant faċli biex tinħoloq minħabba l-limitu fit-tul.
Qiegħda nikteb dan l-editorjal b’ċerta diqa wara li ftit tal-jiem ilu tajna l-aħħar tislima f’din id-dinja lil Pawlu Mizzi – Missier il-Ktieb Malti. Ma nistax nagħlaq dan l-editorjal bla ma nagħti, f’isem il-bord editorjali kollu, il-kondoljanzi lill-familja Mizzi. Kienet tassew xierqa u f’waqtha d-dedika tal-aħħar ħarġa letterarja ta’ din ir-rivista lis-Sur Mizzi – ġest żgħir ta’ apprezzament għall-ġid kbir li għamel biex il-pubblikazzjonijiet bil-Malti laħqu l-livell li qed igawdu llum. Din il-ħarġa tinsab f’idejkom bis-saħħa tiegħu li għal dawn l-aħħar għoxrin sena ħa ħsieb il-pubblikazzjoni tagħha b’tant interess u mħabba lejn il-prodott letterarju lokali. Fi tmiem din il-ħarġa hemm in-nekroloġija miktuba minn Sergio Grech li tindika b’mod dettaljat il-ħidma kontinwa tas-Sur Mizzi f’dan il-qasam.
Fl-aħħar nett nixtieq nirreferi għad-dedika ta’ din il-ħarġa. Il-bord editorjali qabel li jagħmel din id-dedika kollettiva li fiha tiġbor lill-kittieba kollha fi żmien il-Moviment Qawmien Letterarju. Bosta minn dawn il-kittieba għadhom attivi letterarjament u qegħdin isegwu u jsostnu l-vuċijiet ġodda tal-ġenerazzjoni ta’ warajhom. Tassew li l-istorja tirrepeti ruħha. It-tranżizzjoni letterarja li ġabu l-kittieba tal-Moviment Qawmien Letterarju permezz ta’ xogħlijiethom, issa qed jaraw ir-rifless tagħha bħallikieku f’mera bis-saħħa tal-kitbiet tal-awturi kontemporanji. Għalhekk hija tassew xierqa din id-dedika għall-kittieba tas-sebgħinijiet b’sinjal ta’ apprezzament tal-kontribut li taw fl-istorja letterarja Maltija.
Nawguralkom qari pjaċevoli!