Deċiżjoni kif l-Ingliż għandu jinkiteb fil-Malti

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ddeċieda dwar kif għandu jinkiteb il-kliem mill-Ingliż li daħal fil-Lingwa Maltija. Id-deċiżjoni se ssir uffiċjali meta tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.

Is-Segretarju ta’ kumitat fi ħdan il-Kunsill, George Farrugia, qal li mhux se jinħarġu listi li wieħed għandu jimxi fuqhom, iżda se jiġu ppubblikati tliet prinċipji bażiċi li wieħed għandu jimxi magħhom.

Wara aktar minn għaxar snin . . . fl-aħħar hemm deċiżjoni dwar kif għandu jinkiteb il-kliem Ingliż li daħal fil-lingwa Maltija.

Dr George Farrugia f’isem il-kumitat li ħadem fuq il-kitba tal-kliem Ingliż fil-Malti, qal li d-deċiżjonijiet isiru uffiċjali meta jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern.

Dr Farrugia spjega li r-regola ewlenija tibqa’ li meta hemm kelma bil-Malti ma tintużax il-kelma Ingliża. Pereżempju tgħid biljett mhux ticket.

Is-Segretarju tal-Kumitat Kitba tal-Kliem Ingliż fil-Malti, George Farrugia qal “meta mbagħad f’ċerti kuntesti l-kelma Maltija ma taqdikx għall-kelma Ingliża, ngħidu aħna fil-kuntest ta’ kompjuter, għandek bżonn tuża l-kelma chatting, tibda tfittex inti u tgħid għandek paroli, tlablib, taħdita, diskors, f’dak il-kuntest ma jaqdikx dak il-kliem għax għandek bżonn tuża l-kelma chatting hemmhekk m’hemmx x’tagħmel trid tuża l-kelma bl-Ingliż.”

Dr Farrugia spjega, li skont ir-regoli l-ġodda, kliem iffurmat minn żewġ kelmiet jew aktar bħal windscreen, roundabout, shock absorber, microwave jew fire extinguisher għandhom jitħallew bl-Ingliż. Imma, kliem li daħal fir-regoli tal-grammatika Maltija bħal brejk, garaxx jew ċċarġja għandhom jinkitbu kif jinstemgħu.

Is-Segretarju tal-Kumitat Kitba tal-Kliem Ingliż fil-Malti, George Farrugia qal, “Ejja nieħdu eżempju n-nom brejk, tant daħal fil-Malti li anke nużaw il-plural sħiħ brejkijiet, mela f’dan il-każ li diġà daħal fir-regoli diġà ntaġen mas-sistema tal-grammatika Maltija hemmhekk ħa niktbu bil-Malti.”

Kliem ieħor li ma integrax fil-grammatika Maltija jista’ jinkiteb kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż skont l-għażla tal-kittieb. Ħafna drabi dawn huma nomi li jieħdu l-plural mill-Ingliż “s”.

Is-Segretarju tal-Kumitat Kitba tal-Kliem Ingliż fil-Malti, George Farrugia qal, “Nagħmlu mod trid tikteb il-kelma ħelikopter bil-Malti, il-plural tagħha mhux ħelikoptrijiet, mela dik ma daħlitx fis-sistema tal-plural Malti sewwa, għandek ħelikopters biss, mela għandek għażla tiktibhiex bil-Malti jew bl-Ingliż u jaħseb li jekk ħa jiktibha f’dak il-kuntest se jinftiehem xorta waħda allura hemm jista’ jiktibha bil-Malti.”

Żied jgħid li hemm kliem ieħor bħal shutter, li jekk ħa jinkitbu kif jinstemgħu jaf iħawdu lill-qarrej. F’dak il-każ, Dr Farrugia qal li ġie deċiż li l-kliem bl-Ingliż m’għandux jiġi mmarkat, ħlief jekk il-kitba tkun għal tfal fl-ewwel klassijiet tal-primarja.

Dr Farrugia qal li bħalissa qed isir ħafna xogħol qabel jiġu stampati “Deċiżjonijiet 2”. Qal li mhux se jidħlu fis-seħħ mil-lum għal għada imma se jkun hemm perjodu, li jista’ jkun anke ta’ snin, biex dawn id-deċiżjonijiet jindraw.

Rapport miktub minn Ruth Castillo għall-aħbarijiet ta’ TVM.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.