Biex tassew ngħixu f’dinja. Lejn mappa fiżika tad-dinja bil-Malti: toponomija, traduzzjoni, trażlitterazzjoni.

Taħdita ta’ Antoine Cassar

Il-Ħamis 12 ta’ Novembru, 18:00-19:00

Dar l-Ewropa
254 Triq San Pawl
Il-Belt

Dħul b’xejn

mappa

Il-Kon tan-Nofsinhar. Il-Kap tal-Isperanza t-Tajba. Il-Wied tar-Rift il-Kbir. Fejn jaħbtu dawn il-postijiet? Mhux kemm tittawwal waħda fuq il-mappa, jew tiftaħ l-atlas? Imma le, stenna. Fejn tridni nfittex? Fejn qatt rajt mappa tad-dinja – imdendla ma’ ħajt jew stampata fi ktieb – bl-ilsien Malti? 

Lil hinn miż-żona Ewro-Mediterranja, il-ftit mapep bil-Malti li saru sal-lum tista’ tgħoddhom fuq is-swaba’ t’id waħda. Bħallikieku lil hinn minn ċerta fruntiera immaġinarja, id-dinja rridu bilfors naħsbuha u nesperjenzawha permezz ta’ lingwa oħra – dari l-iktar bit-Taljan, illum x’aktarx bl-Ingliż globalizzat.

Mappa fiżika tad-dinja bil-Malti: forsi hija ħolma, forsi ġennata, iżda bi żgur mhijiex kapriċċ. Parti mix-xogħol diġà lesta – għandna l-Ekwatur, l-Oċean Paċifiku, l-Amażonja. Mill-bqija, fejn it-traduzzjoni u t-trażlitterazzjoni ta’ toponimi huma possibbli u fattibbli, jiġifieri fejn ma jtellfux l-orjentament tal-qarrej tal-mappa, ikun dnub jekk nibżgħu minnhom. Il-kuxjenza ġeografika ta’ lingwa, ta’ komunità, timplika l-fruntieri tal-perspettiva tagħhom fl-ispazju. Biex tassew ngħixu f’dinja, id-dinja rridu nifhmuha sew, niddeskrivuha u ngħixuha fi lsienna.

F’din it-taħdita, Antoine Cassar se jkun qed jippreżenta l-ewwel passi fit-tiswir tal-proġett tiegħu ta’ mappa fiżika tad-dinja bl-ilsien Malti, b’ħarsa ddettaljata lejn il-ħafna diffikultajiet li qed iħabbat wiċċu magħhom, lejn il-kunċett tal-lingwa (jew lingwi) pont, u lejn il-kriterji li rnexxielu jfassal sal-lum fl-immappjar tal-Afrika u tal-Amerka t’Isfel.

Din it-taħdita qiegħda ssir bi sħab ma’ l-aċċent, rivista għal kull min iħaddem il-lingwa b’mod professjonali, maħruġa mid-Dipt. tal-Ilsien Malti tad-Direttorat tat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.