Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università, flimkien mal-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda tal-Malti – Università qed jaħdmu bi sħab biex ifakkru lill-poeta Ġan Anton Vassallo, il-poeta ewlieni tas-Seklu Dsatax u prekursur ta’ Dun Karm, il-Poeta Nazzjonali.
Ġan Anton Vassallo kien Professur tat-Taljan fl-Università ta’ Malta u jibqa’ magħruf għall-epika tiegħu “Il-Ġifen Tork” u poeżiji liriċi bħal “Tifħira lil Malta”, “Iż-Żgħurija” kif ukoll traduzzjonijiet mil-Latin, fosthom “Dies Irae”.
Il-Prof. Oliver Friggieri ħa ħsieb jippubblika “Ġan Anton Vassallo – il-poeżiji miġbura” u hi x-xewqa tagħna li nfakkru lil Ġan Anton Vassallo billi titqiegħed lapida li tindika l-post fejn jinsab midfun, fil-Knisja tal-Karmnu, il-Belt. Jidher li kien hemm lapida imma biż-żmien jew waqt xi xogħol ta’ rinovazzjoni, inqerdet.
Din il-kommemorazzjoni hi xierqa u f’waqtha meta wieħed jikkonsidra li fl-2017 jaħbat il-200 anniversarju minn twelidu.