The Legislative and Constitutional Development of the Maltese Language in a Historico-Literary Context

Il-ktieb The Legislative and Constitutional Development of the Maltese Language in a Historico-Literary Context tal-Prof. Raymond Mangion joffri ħarsa friska lejn l-istorja tal-Malti mil-lenti leġiżlattiva u joffri opportunitajiet ġodda għar-riċerkaturi u studjużi tal-Malti.

Fil-ktieb tiegħu, il-Prof. Mangion jirreġistra l-ġrajjiet b’mod kronoloġiku, jikkumplimentahom b’aktar minn 300 annotazzjoni, jinkludi bibljografija li ttul seba’ paġni u għall-ħeffa l-ktieb huwa mogħni wkoll b’indiċi tal-ismijiet.

It-tnedija, organizzata mill-Akkademja tal-Malti, saret fis-Sala Pietru Pawl Saydon (ALT) fl-Università ta’ Malta u ħadu sehem fiha tliet kelliema. L-ewwel diskors sar mill-Prof. Kevin Aquilina li fost oħrajn faħħar dan ix-xogħol “għall-oriġinalità tiegħu u l-firxa tas-suġġetti wiesgħa li lkoll jorbtu mal-Ilsien Malti. Ipprovda studju eċċellenti tax-xogħlijiet ewlenin kollha – letterarji, storiċi, legali, leġiżlattivi, u kostituzzjonali – li sawru l-vjaġġ – xi drabi mwiegħer – tal-Lingwa Maltija matul iż-żmien u l-għana ta’ pubblikazzjonijiet li kkontribwew għall-iżvilupp progressiv tal-lingwa vernakulari li jagħmluna kburin biha.”

It-tieni diskors sar minn Joseph P. Borg (Segretarju tal-Akkademja) li fisser kif din il-pubblikazzjoni għandha “isservi għal aktar tiftix u skrutinju fl-istorja mhux biss tal-Malti – li minn djalett Għarbi żżarġan għal ilsien nazzjonali – imma wkoll għal min irid jifli t-tessut ta’ niesna.” Huwa rrefera għal numru ta’ personaġġi magħrufa matul il-mixja tal-Malti, fosthom Vassalli, Saydon, Erin Serracino-Inglott u Oliver Friggieri li ddedikaw ħajjithom biex il-Malti jikseb id-dinjità li tixraqlu – l-ilsien nazzjonali.

L-E.T. l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca kienet il-mistiedna speċjali għal din it-tnedija u fid-diskors tagħha appellat biex il-Malti jibqa’ jintuża fl-oqsma kollha tal-ħajja Maltija, speċjalment fl-iskejjel. Hija rringrazzjat lill-Prof. Raymond Mangion għall-ħsieb ġeneruż tiegħu li jgħaddi d-dħul mill-ktieb lill-Malta Trust Foundation.

Prof. Mangion għalaq it-tnedija u qal li din il-pubblikazzjoni għandha tħeġġiġna napprezzaw aħjar lilna nfusna u l-identità tagħna.

05.05.2026