
Agħfas HAWN biex tara l-programm.
Nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Mejju 2024, l-Akkademja tal-Malti fakkret għeluq il-25 sena mill-mewt tal-Poeta Ġorġ Pisani b’serata mużiko-letterarja bis-sehem ta’ għadd sabiħ ta’ membri Għawdxin u msieħba oħra li kienu preżenti għal din il-kommemorazzjoni speċjali.

Il-programm inkluda għażla ta’ qari mill-poeżiji ta’ Ġorġ Pisani, kif ukoll siltiet ta’ proża misluta mix-xogħlijiet magħrufa tiegħu. Fetaħ is-serata Dr George Farrugia, President tal-Akkademja u saru diskorsi mill-Arċipriet Mons. Joseph Curmi u minn iben il-Poeta, in-Nutar Dr Paul G. Pisani.
Pisani miss bosta fergħat tal-letteratura: kiteb poeżiji li ġabar f’Il-Għid taż-Żgħożija, Il-Waltz tad-Dellijiet, Melodiji u Kuluri u It-Trijonf tal-Paċi; drammi bħal Is-Sengħa tal-Imħabba, Apoteosi u Is-Sigriet ta’ Swor Kristina; novelli miġbura fil-ktieb Għoxrin Novella, esejs miġbura fil-ktieb Evviva l-Ħajja, ir-rumanzi Beraq u Qawsalli u Żerniq fuq l-Għoljiet u kiteb ukoll l-istudji folkloristiċi Għawdex joħlom fil-Leġġendi.
Ġorġ Pisani jibqa’ magħruf l-aktar għall-importanza li jagħti lil Għawdex bħala post sabiħ u mimli sliem. Waqt li jitkellem dwar bosta problemi soċjali u umani, l-aħjar xogħlijiet tiegħu huma mnebbħa mill-imqades u mill-imkejjen tal-qedem. Aktarx għalhekk li Ġużè Chetcuti jsejjaħlu “l-poeta tal-istorja” għax għadd ġmielu ta’ poeżiji li kiteb għandhom tema preistorika bħal Ħaġar Qim, Il-Ġgantija t’Għawdex u Għar Dalam.
Il-programm tfassal minn sottokumitat magħmul minn Charles Bezzina, Joe Borg, Dr Manwel Schembri u Doris Zammit u kien imżewwaq bi tliet waqtiet mużikali bil-kant ta’ Ruth Portelli u l-pjanista Jennifer Grech. Il-kommemorazzjoni għalqet b’filmat qasir fuq il-Poeta meħud minn Alvin Scicluna.
Is-serata saret fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex.
















