MID-DAMMA TA’ DE SOLDANIS: ISMIJIET TA’ PERSUNI U TA’ MKEJJEN

TAĦDITA TA’ SIMON SALAFIA

NHAR L-ERBGĦA, 3 TA’ MEJJU 2023, FIS-6.00 PM

DAR L-EWROPA, IL-BELT VALLETTA

Din it-taħdita ta’ madwar ħamsin minuta tikkonsisti fi tliet partijiet. L-ewwel parti tagħti ħarsa ġenerali kemm lejn it-toponomastika (l-iktar fil-kuntest lokali u dak attwali) kif ukoll lejn l-onomastika, b’mod aktar wiesa’. Din hija l-introduzzjoni taż-żewġ taqsimiet prinċipali tat-taħdita: l-ismijiet personali u l-ismijiet tal-imkejjen (l-aktar Għawdxin) li nsibu fid-Damma ta’ De Soldanis. Ikunu mfissra xi aspetti lingwistiċi kif ukoll grammatikali interessanti ħafna minn dawn l-ismijiet (kemm ta’ mkejjen u ta’ persuni) li nsibu f’dan id-dizzjunarju enċiklopediku. Xi ftit minn dawn l-ismijiet illum intesew jew m’għadhomx magħrufa fil-memorja kollettiva tagħna. Wara l-għeluq, ikun hemm ħin għal xi mistoqsijiet jew kummenti.

Simon Salafia, studja fl-iskola tal-Gvern tar-Rabat u fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi. Huwa kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa fl-Inġinerija Elettrika. Wara studja l-Ispanjol u kiseb Diploma fl-Ispanjol mill-Università ta’ Salamanca. Għallem l-Ispanjol fiċ-ċentru kulturali Spanjol-Malti, fl-iskejjel tal-Gvern, u fl-Università ta’ Malta. L-interessi u l-passatempi ewlenin tiegħu huma l-ivvjaġġar, l-Istorja u l-Kultura Maltija, l-aktar il-perjodu Medjevali u t-toponomastika. Huwa wkoll gwida liċenzjat u interpretu professjonali. Awtur ta’ diversi artikli (l-aktar dwar it-toponomastika) f’diversi rivisti bħal L-Imnara, L-Arkivju u l-Gozo Observer. Ippubblika żewġ volumi dwar it-toponimi Għawdxin.