Heritage Malta u l-Akkademja tal-Malti jħeġġukom tattendu t-taħdita minn Dr Mario Cassar ‘L-Ilsien Malti fi Żmien l-Ordni (1530-1798)’, li se tittella’ fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta, nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Frar, fis-18:30 pm.


F’din it-taħdita pubblika se niddiskutu b’mod konċiż xi aspetti marbuta mal-Ilsien Malti matul l-epoka tal-Kavallieri.
Fost ħwejjeġ oħra, sa nippruvaw inwieġbu mistoqsijiet bħal:
(i) X’kien l-istatus tal-Malti fi żmien l-Ordni?
(ii) X’kien hawn f’Malta, bilingwiżmu jew diglossja?
(iii) X’kienu jaħsbu l-istudjużi dwar in-nisel tal-Ilsien Malti?
(iv) X’tagħrif nistgħu nisiltu mid-dokumenti tal-Inkwiżizzjoni?
(v) X’kienu x-xogħlijiet letterarji bil-Malti li nkitbu f’dan il-perjodu?
(vi) Liema kienu l-ewwel dizzjunarji u grammatiki tal-Malti?
(vii) Liema kien l-ewwel ktieb stampat bil-Malti?
(viii) Il-Malti kien jintuża fil-quddies u l-prietki ?
(ix) Għaliex il-kontribut ta’ Ġan Franġisk Agius de Soldanis u Mikiel Anton u Vassalli huwa daqstant importanti? u fl-aħħar nett
(x) Għaliex il-Malti Standard ħareġ miż-żona tal-Port il-Kbir?
Din it-taħdita hija miftuħa għall-pubbliku bla ħlas. Mhux meħtieġ li tirriserva postok.