L-irvellijiet tas-Sette Giugno 1919 wasslu tabilħaqq biex Malta tingħata Gvern Responsabbli? X’nifhmu bi ‘Gvern Responsabbli’? X’inhi d-differenza bejn ‘il-Parlament’ u ‘l-Kamra tad-Deputati’?
Il-Kostituzzjoni l-ġdida tal-1921 tat id-dritt li r-rappreżentanti Maltin fis-Senat u l-Kunsill Leġiżlattiv li jistgħu jiddibattu bil-Malti, bl-Ingliż jew bit-Taljan, imma għaliex id-diskorsi damu ma bdew jiġu traskritti bil-Malti?
Robert Hamilton tal-Partit Kostituzzjonali ta’ Strickland kien l-ewwel persuna li qatt tkellmet bil-Malti fil-Parlament u fl-1923 ressaq mozzjoni biex il-Malti jsir it-tielet ilsien uffiċjali. Imma għaliex il-mozzjoni tiegħu m’għaddietx? Min kien Robert Hamilton?
Minn fejn u kif oriġinat il-frażi ‘il-Malti l-lingwa tal-kċina’? Il-Malti meta tabilħaqq ħa postu b’mod uffiċjali u bdew jidhru l-avviżi bil-Malti f’Il-Gazzetta tal-Gvern? Il-Malti meta sar il-lingwa uffiċjali tal-atti notarili u tal-Kors tal-Liġi fl-Università? L-ortografija tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti meta ġiet rikonoxxuta uffiċjalment mill-istat u bdiet tiġi mgħallma fl-iskejjel tal-gvern?
Dawn il-mistoqsijiet, u ħafna oħrajn magħhom, ġew diskussi u mwieġba fit-taħdita li saret fis-16 ta’ Ġunju 2020 mill-Prof. Ray Mangion f’Dar l-Ewropa. Id-diskussjoni saret bl-udjenza kif ukoll diretta biż-Zoom u mill-paġna tal-Akkademja tal-Malti fuq Facebook.
Tista’ tara l-filmat tas-sessjoni billi tagħfas il-ħolqa t’hawn taħt:
https://www.facebook.com/akkademjatalmalti/videos/813100582984801/