L-Inġ. Maurice Mifsud Bonnici twieled Ħal Lija fl-4 ta’ Lulju 1926. Iben Ġużè, ukoll poeta u Elvira mwielda Sammut: neputija tal-Kurunell Prof. Robert Samut li kkompona l-mużika tal-Innu Malti. Huwa neputi tal-kittieb prolifiku tal-ilsien Malti, Rob. Mifsud Bonnici. In-nannu tal-awtur, Gianni Mifsud Bonnici – in-neputi tal-amministratur Sir Ferdinand Inglott, kien ukoll poeta u kittieb ta’ proża bil-Malti. Ħut in-nannu tal-awtur, Pietru Pawl u Klement Mifsud Bonnici, u l-kuġini tal-awtur, Rikard Mifsud Bonnici u ħuh Ċensu, kienu wkoll poeti u kittieba tal-Malti, kif ukoll kienu qraba oħra tiegħu, fosthom Dott. Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala l-Gross. Maurice kien miżżewweġ lil Loulou, imwielda Pizzuto, li minnha għandu iben, Mark.
Edukazzjoni
Ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola Stella Maris tas-Sorijiet Franġiskani ġewwa Ħal Balzan, fl-Iskola tas-Sorijiet ta’ San Ġużepp, il-Belt, fl-Iskola Umberto I tat-Taljani f’Palazzo Carafa, il-Belt Valletta u fl-Iskola Elementari tal-Gvern ta’ Ħal Lija meta l-iskola Taljana ġiet magħluqa mill-Gvernatur ta’ Malta, Sir Charles Bonham Carter.
Ħa l-edukazzjoni sekondarja fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi tal-Ġiżwiti, Birkirkara, u l-edukazzjoni terzjarja fl-Università ta’ Malta, u permezz ta’ Borża ta’ Studju tal-Gvern, f’Borough Polytechnic (illum London South Bank University) u Battersea College ġewwa Londra, minn fejn iggradwa Inġinier tal-Elettriku (Dip.EE, u wara C. Eng u FIEE tal-Institution of Electrical Engineers – illum Institution of Engineering and Technology, ta’ Londra).
Impjieg
Maurice ħadem ta’ Inġinier tal-Elettriku fil-ħafna gradi tal-professjoni, fid-Dipartiment tal-Posta u Telefon. Fl-1968 inħatar Chief Engineer u kompla jokkupa dal-grad sa meta twaqqfet il-Korporazzjoni Telemalta fl-1975. Fl-1978 inħatar Chief Engineer u General Manager fl-1981 u aktar tard Kap tat-Telekomunikazzjonijiet. Fl-1982 ingħata l-kariga ta’ Chairman tal-Korporazzjoni Telemalta kif ukoll membru tal-Kunsill tal-Università ta’ Malta u Chairman tal-Bord tal-ħatriet fil-Fakultàjiet tal-Arkitettura u l-Inġinerija. Serva wkoll ta’ Segretarju kif ukoll Chairman tal-Malta Joint Group tat-tliet istituzzjonijiet: taċ-Ċivil, tal-Mechanical u tal-Electrical Engineers tar-Renju Unit. Huwa rtira mix-xogħol fl-1987.
Ħidma Letterarja
Wara li rtira mix-xogħol Maurice beda jimpenja ruħu fl-għaqdiet letterarji kif ukoll tal-pensjonanti u l-anzjani. Kien membru attiv fil-Kunsill tal-Akkademja tal-Malti mill-1998, mill-Kunsill Ad Interim (2004-2005) u okkupa l-kariga ta’ Teżorier fil-Kunsill mill-2009 sal-2017. Kien membru tal-Għaqda tal-Malti (Università), tal-Poetry Society ta’ Londra, tal-British Haiku Society tar-Renju Unit, Soċju ta’ The European Academy of Poetry u membru tal-Għaqda Poeti Maltin. Inħatar Membru Akkademiku bil-Mertu tal-Academia Internazionale ‘Padre Pio’ di Scienza, Lettere ed Arti tal-Italja, li f’żewġ konkorsi internazzjonali tagħha rebaħ l-ewwel premju, u ġie mogħti l-Midalja tal-Fidda tal-President tar-Repubblika Taljana.
Fis-6 ta’ Lulju tal-2004 ġie onorat b’ġieħ Ħal Lija mill-Kunsill Lokali għax-xogħlijiet letterarji tiegħu. Mill-2005 kien Editur tar-rivista L-Anzjan – magażin ta’ kull erba’ xhur tal-Għaqda tal-Pensjonanti tal-GWU u kien membru ta’ dan il-Kumitat mill-1987. Kien membru tal-Kunsill tal-Għaqda tal-Pensjonanti tat-Telemalta, Maltacom u GO. Kien kontributur regolari fil-ġurnal L-Orizzont. Huwa rebaħ bosta premjijiet f’konkorsi nazzjonali u internazzjonali ta’ poeżiji u proża.
Pubblikazzjonijiet
In a Nutshell (Londra, 1980; Malta, 1987); Mill-Bikri għall-Imwaħħar (1996); Zoomery (1998); Bushido (2002); Gwerra ta’ Mħabba (2005); Kassjopea (2006) – rebbieħ tat-tieni premju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb; Il-Ħares taz-Ziju Daddu, novelli oħra u xi ġrajja (2007); L-Għanja tal-Limerikki (2007); Ħajkumanija (2008); Weraq Sfajjar fix-Xagħri (2009); Id-Debħa tal-Fejqan (2010); A Brief Gilded Story (2011); Ħsibijiet Ħarkiena/Ardent Pondering (2011); Ħajku tal-Punent/Western Ħajku (2011); Variegated Pansies/Viole De Pensiero Variegate (2013); A Malta Teenager at War Vol. 1 (2017).
Prof. Bernard Micallef f’kumment li tella’ fuq Facebook mal-obitwarju ta’ Maurice kiteb:
“Bniedem li kien tassew ġeneruż bil-ħin u l-enerġija li ddedika lill-kumitati li ħadem fihom, dejjem b’interess ġenwin fit-twettiq tal-proġetti u tal-impenji amministrattivi tagħhom, li minnhom kien se jgawdi ħaddieħor. Meta niftakar fik, Maurice, inħossni għadni qed nitgħallem prinċipji sempliċi u fundamentali, bħall-prinċipju li għandek taħdem biex tara lil dawk ta’ madwarek jirnexxu daqsek jew aktar minnek. Strieħ fis-sliem, Maurice, ħabib ta’ ħafna u ta’ veru.“