“Il-Malti” – ħarġa ġdida

Stqarrija għall-Istampa

L-Akkademja tal-Malti, flimkien mal-Klabb Kotba Maltin, ħarġet l-edizzjoni numru 92 tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha Il-Malti. Din l-edizzjoni hija editjata minn Dr George Farrugia u tiġbor fiha numru ta’ xogħlijiet akkademiċi. Flimkien ma’ Dr Farrugia, il-bord editorjali kien iffurmat minn David Aloisio, Phyllis Debono,  Dr Immanuel Mifsud u Ann Marie Schembri.

Din il-ħarġa hija mżewqa b’bosta taqsimiet li jiġbru fihom xogħlijiet ta’ natura differenti. Fit-taqsima tad-Diskorsi nsibu tliet xogħlijiet li tnejn minnhom, ta’ Trevor Żahra u ta’ Prof. Stanley Fiorini, saru f’okkażjonijiet ta’ tnedija ta’ kotba filwaqt li l-ktiba ta’ Dr Mario Cassar kienet ippreżentata mill-awtur f’waħda mit-taħditiet li organizzat l-Akkademja. Il-ktiba ta’ Prof. Fiorini hija bbażata fuq diskors li kien għamel fit-tnedija tal-ktieb ta’ Rev. Dr Martin Micallef Crux Invicta: Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex li saret fil-Palazz tal-President f’Sant’Anton nhar il-25 ta’ Frar 2020. F’din il-ktiba Fiorini jispjega kif kurċifiss li kien jitqies mirakoluż spiċċa proprju fid-dar tal-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis. Fil-kuntest ta’ din il-ġrajja Fiorini jagħtina tagħrif ieħor interessanti dwar ir-rabta li De Soldanis kellu mal-Kapuċċini t’Għawdex u mal-Kapuċċini ħbieb tiegħu, fosthom Patri Pelaġju. Id-diskors ta’ Trevor Żahra, li kien sar bħala d-diskors tal-għeluq fl-okkażjoni tat-tnedija tal-ktieb tiegħu Vespri, huwa diskors konċiż iżda profond u jiffoka dwar dak li  verament iqanqal lill-kittieb biex jikteb. Fid-diskors tiegħu, ibbażat fuq taħdita li kien ta huwa stess fis-sensiela ta’ taħditiet organizzati mill-Akkademja, Dr Mario Cassar jitkellem fuq William Wolkowski, poliglotta u kaligrafista Franċiż ta’ nisel Pollakk. Mill-1987 Wolkowski beda jsawwar għadd ta’ proġetti multilingwi msejsin fuq kwotazzjonijiet ta’ personaġġi u awturi famużi. F’dawn il-kollezzjonijiet ġieli dehru kampjuni bil-Malti, fosthom traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet ta’ awturi kbar, testi bibliċi u reliġjużi u ġabra ta’ poeżiji Marjani bil-Malti.

It-taqsima tal-Kritika Letterarja hija l-aktar taqsima li tiġbor fiha xogħlijiet f’din il-ħarġa akkademika. Fix-xogħol tiegħu “‘Malta wkoll miegħek titgħannaq’ – Sejba ta’ poeżiji ġodda tal-Prof. P. Anastasju Cuschieri, Karmelitan” Dr Charlò Camilleri O.C. jinkludi poeżiji tal-Prof. P. Anastasju Cuschieri bil-Malti u bit-Taljan li sab wara l-pubblikazzjoni tal-edizzjoni kritika tal-Poeżiji Miġbura fl-2013, frott tar-riċerka tiegħu li baqgħet u għadha għaddejja. Charles Casha jittratta l-umoriżmu fil-letteratura Maltija fil-ktiba li għandha sewwasew dan it-titlu. Casha jargumenta li l-umoriżmu jista’ jkun biċċa għodda tajba f’idejn il-kittieb biex jittratta problemi soċjali jew personali. “Proża Popolari Maltija kontra l-Komuniżmu” hija ktiba ta’ Sergio Grech li tiffoka fuq perjodu politiku partikolari ta’ pajjiżna u kif dan ġie rifless fil-letteratura ta’ żmienu. L-artiklu ta’ Emanuel Tanti jitkellem dwar l-insularità psikoloġika, soċjali, morali u politika f’żewġ rumanzi: Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo u What Happens in Brussels stays in Brussels ta’ Ġużè Stagno. L-aħħar xogħol fit-taqsima tal-kritika letterarja huwa l-istudju tal-Prof. Adrian Grima, intitolat “Ħelsien u n-narratur li dejjem jindaħal”. L-argument prinċipali fl-istudju tiegħu huwa li l-leħen narrattiv eterodijeġetiku, li fit-terminoloġija fundamentali ta’ Gérard Genette huwa ta’ xi ħadd li mhuwiex wieħed mill-karattri, dejjem jindaħal fir-rakkont biex jagħtina l-perspettiva tiegħu. Grima jiddiskuti dan l-aspett fundamentali tan-narratoloġija u japplikah għar-rumanz Ħelsien ta’ Ġużè Bonnici.

Fit-taqsima tar-Riċerka Storika nsibu x-xogħol ta’ David Agius Muscat li jeħodna lura fl-ewwel xhur ta’ meta Malta kisbet il-libertà tal-istampa. Waqt li kien qed jeżamina wieħed mill-ewwel ġurnali bil-Malti, Il Kaulata Maltia (1839), Agius Muscat sab li t-tielet u l-aħħar ħarġa li għandna f’idejna ta’ dan il-ġurnal fiha siltiet minn ‘Stedina’ ta’ Mikiel Anton Vassalli. Fl-istess artiklu Agius Muscat jagħti wkoll tagħrif ġdid fuq Mikelanġ Camilleri, kittieb tas-seklu 19.

Ix-xogħlijiet ta’ Mons. Lawrenz Cachia u ta’ Paul Zahra huma żewġ xogħlijiet ta’ natura lingwistika li jkomplu jżewqu l-għażla wiesgħa ta’ suġġetti varji f’din il-ħarġa akkademika ta’ Il-Malti. Fix-xogħol tiegħu Zahra jitkellem fuq l-importanza taż-żamma tal-kuntest kulturali tat-test sors u tal-elementi lessikali, kemm dijakroniċi kif ukoll sinkroniċi, fil-proċess tat-traduzzjoni li tinvolvi testi letterarji u nonletterarji. Mons. Cachia jiddiskuti l-verbi bl-ewwel radikali W.

Fit-taqsima tal-Intervisti nsibu x-xogħol ta’ Ivan Said, mibni fuq intervista li Toni Cortis kien għamel lill-Kardinal Prospero Grech OSA dwar il-ktieb Dun Karm – Poet of Malta tal-Professur Arthur John Arberry.

 Din il-ħarġa tinkludi wkoll riċensjoni magħmula mill-Prof. Charles Briffa dwar il-poeżija ta’ Jonathan Balzan, imsejsa fuq it-tliet kotba tal-poeta Irdieden – Poeżiji (2013), Kilometri – Poeżiji (2016) u Madwar Ħajti – Poeżiji (2018). Balzan huwa poeta kontemporanju li skont Briffa jgħarrex il-valuri umani tal-kontemporanjetà bl-istil partikolari tiegħu – “stil li meta nifluh nilmħu sitwazzjoni interessanti għax il-poeżija ta’ Balzan turina qagħda ta’ moħħ b’xejriet meqjusa li jattiraw l-attenzjoni u jqajmu l-kurżità”.

Din il-ħarġa tinkludi wkoll rendikont metikoluż, miktub mis-Segretarju attwali Joe Borg, dwar il-ħidma tal-Akkademja bejn is-snin 2013 – 2015. Fl-aħħar tal-pubblikazzjoni nsibu linji gwida għall-edituri u l-bordijiet editorjali ta’ Il-Malti. Dawn il-linji gwida huma utli ferm ukoll għal dawk kollha li jixtiequ jikkontribwixxu xi xogħlijiet għall-pubblikazzjoni uffiċjali tal-Akkademja tal-Malti.

Din l-edizzjoni ta’ Il-Malti hija ddedikata lill-memorja tal-għażiża Marlene Mifsud Chircop, riċerkatriċi dwar bosta oqsma marbuta mal-folklor Malti, li ħallietna fis-26 ta’ Awwissu tal-2020.