Victor Fenech rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ 2019

VICTOR FENECH huwa r-rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ għal din is-sena. L-investitura saret f’Jum l-Akkademja tal-Malti mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta waqt serata fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Fost il-mistednin kien hemm l-imsieħba tal-Akkademja kif ukoll qraba u ħbieb tal-awturi. Din l-onorifiċenza tingħata lil min ikun iddistingwa ruħu b’ħidma tul ħajtu kollha għall-Ilsien Malti u għal-letteratura Maltija.

Victor Fenech twieled fl-1935. Studja fil-Liċeo, l-Università ta’ Malta u fl-Università ta’ Londra. Kien membru fil-Moviment Qawmien Letterarju. Il-poeżiji tiegħu dehru fost l-oħrajn fl-antoloġiji Kwartett, Antenni, Qawsalla, u Bejn Ħaltejn kif ukoll f’ġabriet personali bħal Sangraal, L-Aħħar Rimi, Sajonara, Il-Poeżiji, u PS – Muża Mħallta.  Il-protesta sa mill-bidu kienet waħda mit-temi ewlenin fil-poeżija tiegħu. Poeżiji tiegħu dehru wkoll f’Il-Malti u f’Leħen il-Malti.

Fenech ippubblika l-ġabriet ta’ novelli Rakkonti-Inkontri, XitaSkiet, u r-rumanz Ix-Xitwa ta’ Wara s-Sjuf.

Qaleb għall-Malti Il-Profeta ta’ Kahlil Gibran. Ta ħafna għajnuna lill-Klabb Kotba Maltin fl-ewwel snin tiegħu u ta sehem kbir ukoll fil-pubblikazzjoni ta’ Id-Denfil li kien jintuża fl-iskejjel primarji.

Esperimenta wkoll kitba għat-tfal fosthom Jien Kewkba Ċkejkna, In-Nagħġa s-Sewda u L-Għorfa f’tarf l-Irdum u Id-Dawl fit-Tieqa. Editja diversi kotba għat-tfal mad-dar tal-pubblikazzjoni Horizons.

Victor Fenech Kien editur tar-rivista Sagħtar u għal xi żmien kien responsabbli mill-pubblikazzjonijiet tal-MUT kif ukoll kien editur ta’ The Teacher. Serva għal għadd ta’ snin fuq il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u fil-kunsill tal-Akkademja tal-Malti. Għall-Akkademja tal-Malti ħa ħsieb pubblikazzjoni mill-isbaħ dwar Doreen Micallef. Ippubblika wkoll il-ktieb Il-Ktieb Malti parti mill-Kullana Kulturali.

Waqt l-investitura, il-President Vella feraħ lis-Sur Fenech u ddeskrivieh bħala bniedem li ddistingwa ruħu l-aktar b’ħidma fuq tul ta’ żmien għall-iżvilupp tal-Ilsien Malti u tal-letteratura Maltija.

Din kienet ir-raba’ Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ li ngħatat. Fl-2016 ingħatat lil Oliver Friggieri, is-sena ta’ wara lil Monsinjur Lawrenz Cachia u s-sena l-oħra lil Trevor Żahra.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.