Jum Dun Karm 14.10.2025

L-E.T. l-President ta’ Malta għal darb’oħra tat il-patroċinju tagħha għal Jum Dun Karm organizzat mill-Akkademja tal-Malti u l-Kumitat Festi Nazzjoni fi ħdan Festivals Malta. Il-kommemorazzjoni saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton nhar l-14 ta’ Ottubru 2025 u l-programm tmexxa mill-kantanta Corazon Mizzi li għas-sekwenzi mużikali kienet akkumpanjata mill-Arpista Jacob Portelli.

Matul din il-kommemorazzjoni l-organizzaturi ħadu ħsieb jorbtu u jfakkru żewġ anniversarji importanti: dak ta’ għeluq il-100 sena mill-ewwel ħarġa ta’ Il-Malti mill-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti – pubblikazzjoni li għadha magħna sal-lum – u għeluq il-mitejn sena mill-ħatra ta’ Mikiel Anton Vassalli bħala l-ewwel lettur tal-Malti fl-Università.

Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta saħħqet fuq il-ħtieġa li ngħożżu l-valuri li ċċelebra Dun Karm fil-poetika tiegħu u li jorbtuna u jagħmluna nazzjon magħqud. Saħqet li lsienna jinsab f’salib it-toroq u jeħtieġ li l-Malti għandna nħaddmuh b’mod xieraq f’kull qasam tas-soċjetà u minn kull ġenerazzjoni tas-soċjetà tagħna.

Diskors ieħor sar minn Joseph P. Borg li fakkar kif wara biss ħames snin mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti bdiet tippubblika r-rivista Il-Malti bil-ħsieb li tkattar aktar kitba ta’ livell għoli bl-alfabett u l-grammatika l-ġdida tagħha, kif imfissra fit-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (1924).

Is-serata kienet imżewqa b’qari ta’ poeżiji, fosthom is-sunett Lil Mikiel Anton Vassalli ta’ Dun Karm moqri mill-Prof. George Farrugia. Poeżiji oħra nqraw minn Charles Coleiro, Daniel Attard u Anthea Enriquez. Corazon kantat ukoll medley bl-innijiet reliġjużi ta’ Dun Karm, fosthom Nadurawk, Ja Ħobż tas-Sema, Tina l-Ħlewwa, Fil-Ħlewwa ta’ Mejju u Reġa’ Sebaħ ja Mulejja.

Fi tmiem is-serata sar diskors minn Dr Owen Bonnici, Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali.

Anthea Enriquez

Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi

15.10.2025

Agħfas HAWN għad-diskors tal-E.T.

Agħfas HAWN għad-diskors ta’ Joseph P. Borg