LINA BROCKDORFF (1930-2026)

L-Akkademja tal-Malti ssellem il-memorja għażiża ta’ Lina Brockdorff li kienet ħaddiema ħawtiela fejn tidħol il-kitba bil-Malti. Brockdorff ippubblikat mijiet ta’ novelli u numru sabiħ ta’ rumanzi u ħadet sehem f’diversi programmi fuq ir-radju fosthom “Mill-Ġnejna Malija” li kienet tippreżenta l-Għaqda Letterarja Maltija.

Bosta mir-rumanzi tagħha nqraw fuq ir-radjijiet lokali. Kitbet ukoll artikli ta’ natura spirtwali. Fl-2004 ppubblikat Sireni u Serenati bit-tifkiriet awtobijografiċi tagħha ta’ matul it-Tieni Ġwerra Dinjija.

Għal numru ta’ snin kienet il-President tal-Għaqda Letterarja Maltija u għamlet snin twal fil-kumitati tagħha. Lina kienet Viċi President fil-Kunsill ad interim tal-Akkademja tal-Malti (2004-2005) u fl-2020 l-Akkademja onoratha bil-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ għall-impenn tagħha b’risq ilsienna u l-letteratura Maltija.

Lina kienet ukoll xempju ta’ anzjanità attiva u fis-sebgħinijiet tagħha ssoktat l-istudju b’Masters fit-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.

L-Akkademja tibgħat il-kondoljanzi lill-għeżież tagħha.