CHARLES COLEIRO huwa r-rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb 2025

Is-Sur Charles Coleiro huwa r-rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb “Ġieħ l-Akkademja tal-Malti” għas-sena 2025.

Dan il-ġieħ tħabbar u ngħata lbieraħ minn Dr Sergio Grech, President tal-Akkademja tal-Malti, matul serata patronizzata mill-E.T. l-President ta’ Malta fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard. Fid-diskors tiegħu l-President tal-Akkademja faħħar il-merti tas-Sur Coleiro u saħaq li l-Malti jeħtieġ duwa biex ma jkomplix jitngħawwar. Sejjaħ għall-politika lingwistika għall-Malti, voti finanzjarji ikbar għal-lingwa u fakkar li l-Malti postu kullimkien – fiċ-childcares, fl-iskejjel, fil-banek, fil-knejjes, fir-restoranti, fil-kliniċi u fl-oqsma kollha tal-ħajja Maltija. Appella biex jiżdiedu l-kotba bil-Malti fil-libreriji u hemm bżonn illum qabel għada ċekkjatur u investiment teknoloġiku bil-Malti.

Is-serata kienet tinkludi qari ta’ poeżiji minn Marcel Zammit Marmarà u Rita Saliba, diskors minn Yanika Schembri Fava u filmat bijografiku dwar il-ħidma bla heda ta’ Charles Coleiro fl-oqsma tal-kultura, b’mod speċjali l-għana, il-festi, l-ilsien u l-letteratura Maltija.

Billi l-E.T. kienet indisposta, id-diskors tagħha nqara mill-Prof. George Farrugia. Fid-diskors tagħha, hi ferħet lir-rebbieħ u faħħret ħidmet l-Akkademja favur l-ilsien-omm.

Matul is-serata ntwerew ukoll filmati ta’ kanzunetti mir-repertorju tal-grupp folkloristiku l-Greenfields, bil-lirika ta’ Charles Coleiro.

Fl-2015 l-istat Malti onora lil Charles bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika (MQR) għall-promozzjoni tiegħu permezz tax-xandir lill-kultura u l-ilsien Malti.