Kommemorazzjoni f’ġieħ il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila f’Għawdex
Nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Ottubru 2025, il-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar flimkien mal-Akkademja tal-Malti fakkru lill-Poeta Nazzjonali Dun Karm b’serata fi Triq id-Dejqa, ir-Rabat, bit-tema “Dun Karm minn Lil Hinn”.
Matul is-serata ħadu sehem il-kantanta Francesca Bezzina akkumpanjata mill-pjanista Edward Mifsud flimkien mal-qarrejja l-Kav. Joe M. Attard u s-Sinjuri Mario Caruana, Maria Caruana, Christiana Farrugia, Rita Saliba u Ħaley Xuereb.
Is-serata mużiko-letterarja ħadet is-sura ta’ intervista ma’ Dun Karm Psaila imżewqa b’qari ta’ wħud mill-aqwa sunetti u poeżiji mmużikati minn Mro Dominic Galea.
Għas-serata attendew mistiedna distinti, fosthom bosta awturi membri tal-Akkademja li kkontribwew fl-oqsma letterarji u lingwistiċi ta’ lsienna.





