
L-Erbgħa 28 ta’ Mejju, L-Akkademja tal-Malti nediet edizzjoni ġdida ta’ Il-Malti fil-Każin tal-Banda San Gabriel ta’ Ħal Balzan. Kienet okkażjoni li fiha l-Akkademja ċċelebrat ukoll il-mitt sena mill-ħruġ ta’ Il-Malti bl-ewwel editur tiegħu Ġużè Muscat Azzopardi.
Il-Malti matul dawn il-mitt sena ta spazju lill-għadd kbir ta’ kittieba lokali u kien xhud ewlieni ta’ kif żviluppat il-letteratura Maltija. Il-kittieba ewlenin ta’ żmienna u ta’ dari lkoll ikkontribwew b’kitbiet letterarji f’ħarġiet differenti. Minbarra Il-Malti letterarju joħroġ ukoll Il-Malti akkademiku fejn jiġu mistħarrġa l-ilsien u l-letteratura tiegħu.
Din il-ħarġa, fi kliem il-Professur Immanuel Mifsud, l-editur, tipprovdi qari tajjeb – kif ħabbar mitt sena ilu Ġużè Muscat Azzopardi. Il-Malti joffri poeżija, proża u traduzzjoni. Il-kontributuri f’din il-ħarġa huma Jasmine Bajada, Charles Bezzina, Joseph Buttigieg, Joseph Camilleri, Charles Casha, Antoine Cassar, Kevin Ellul, Leanne Ellul, Victor Fenech, Joe Friggieri, Yana Psaila, Rita Saliba, Ivan Said, Jesmond Sharples, Joseph Vella u Paul Zahra.
Din il-ħarġa hija ddedikata lill-memorja tal-poeta Ray Mahoney li kien wieħed mill-awturi l-ġodda tas-snin sittin.
Il-bord editorjali kien magħmul ukoll mis-Sur Kit Azzopardi, Dr Simone Inguanez u s-Sa Claire Zerafa. Is-Sur Joseph P. Borg ħa ħsieb il-kordinament tal-ġabra.
Min jixtieq kopja ta’ Il-Malti għandu jibgħat email fuq akkademjatalmalti@gmail.com






