Tislima lil Toni Cortis (1943-2025)

L-Akkademja tal-Malti ssellem lil Toni Cortis, li matul is-snin 1992-1996 serva fil-Kunsill tagħha, fil-bordijiet editorjali ta’ Il-Malti u baqa’ jkun ta’ sostenn għal bosta snin.

Toni Cortis ħa l-edukazzjoni tiegħu fis-Seminarju u ggradwa mill-Kulleġġ tal-Għalliema u mill-Università ta’ Malta minn fejn kiseb il-Baċellerat fl-Arti.

Kien magħruf sew fl-oqsma tal-pubblikazzjoni u l-editjar tal-kotba. Fost il-pubblikazzjonijiet li kienu fil-kura tiegħu nsibu: L-Identità Kulturali ta’ Malta (1989), Oqsma tal-Kultura Maltija (1991); u Letteratura (1992) għall-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Ħadem mill-qrib fil-pubblikazzjoni ta’ wħud mill-aqwa xogħlijiet ta’ riċerka ta’ Oliver Friggieri: Il-Jien u Lil Hinn Minnu – Edizzjoni Annotata (1988); De Arte Poetica (1988); Dun Karm (1989), Mal-Fanal Hemm Ħarstek Tixgħel (1988) u Il-Poeżija Maltija – Antoloġija (1996).

Lil Frans Sammut editjalu Newbiet (1998), Samuraj (it-tielet edizzjoni, 1991) u Paceville (1991).

Kien espert fuq Dun Karm – il-Poeta Nazzjonali. Fl-2009, għall-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, ħareġ ir-riċerka ta’ Oliver Friggieri, Analiżi tal-Versi tal-Innu Malti. Fl-artiklu msemmi ‘Encore għall-Innu Malti’ li deher f’ln-Nazzjon, fl-1 ta’ Ġunju 1993, Toni Cortis, bir-reqqa kollha tiegħu, stabbilixxa d-data preċiża ta’ meta ndaqq l-Innu Malti għall-ewwel darba – tagħrif li aktar tard inġabar fil-ktieb ta’ Oliver Friggieri, L-Istorja tal-Innu Malti – Kif Sar u xi Jfisser (2014). Fl-2018 Toni ġabar u ppubblika Dun Karm – Ittri f’edizzjoni annotata bil-għajnuna tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Fost kotba oħra li kienu fil-kura tiegħu nsibu, Bioethics (1989) għall-Ministeru tal-Politika Soċjali; The Maltese Cross (1995); Is-Salib tal-Kleru ta’ Ħaż-Żebbuġ (1999); Nies bla Sabar u Stejjer Oħra ta’ Temi Zammit (2007). Għal Achille Mizzi: Poeżiji (1993), Vetrati Milwiena (1998); Eklissi Perpetwi (2007) u The Essential Achille Mizzi (2009) – poeżiji tradotti u b’introduzzjoni minn Prof. Peter Serracino Inglott.

Toni Cortis miet nhar it-18 ta’ Marzu 2025 fl-età ta’ 83 sena. Qatt minsi minn uliedu Sandro u Chiara, qrabathom u l-ħbieb.

DIGITAL CAMERA