Kommemorazzjoni f’ġieħ MARY MEYLAK f’għeluq il-50 sena minn mewtha

Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università flimkien mal-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda tal-Malti – Università se jfakkru għeluq il-50 sena mill-mewt tal-Poetessa Għawdxija Mary Meylak b’serata li se ssir fis-Sala taċ-Ċittadella, ir-Rabat, Għawdex.

L-attività, li se ssir is-Sibt, 5 ta’ April 2025 fis-7.00 pm, tinkludi taħdita, filmat kommemorattiv u qari ta’ siltiet ta’ proża u poeżiji.

Il-poetessa Għawdxija Mary Meylak nistgħu ngħidu li kienet l-unika vuċi femminili fost il-poeti Romantiċi Maltin tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin.  Imma kif ifisser il-Prof. Oliver Friggieri, “Mary Meylak tinqata’ għal kollox mill-poeti l-oħra mhux biss għaliex ma tagħti ebda ħjiel tal-ansjetà eżistenzjali u storika ta’ żmienha, iżda wkoll għaliex issib il-milja tal-espressjoni tagħha nnifisha fl-għoti ta’ sura fantastika lid-dinja ta’ madwarha.”

Mary Meylak twieldet fid-9 ta’ Awwissu 1905 u mietet fl-1 ta’ Jannar 1975.  Prof. Ġużè Aquilina u Prof. Peter Serracino Inglott jgħidulna li kellha pinna ħafifa u teknikament interessanti. Fejn poeti oħra ta’ żmienha kienu jfasslu xogħolhom fuq forom ta’ letteratura Griega u Taljana, dik ta’ Mary Meylak, bla ma kienet taf hi stess, kienet toqrob ħafna l-metrika li nsibu fil-poeżija Għarbija. Hi tip ta’ poeżija bħal tal-għannejja u qrib dik li joħolqu t-tfal, b’ħakma bla waqfien tar-rima u versi melodjużi u sempliċi.