L-Akkademja tal-Malti u Heritage Malta jistednuk għat-tnedija ta’ Għana Malti Qadim (c.1825) ta’ Dr Olvin Vella f’serata li żżewweġ l-istorja tal-lingwa u l-melodija li se ssir nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Marzu 2025 fil-Mużew Marittimu ta’ Malta, il-Birgu.
Dr Vella bena din il-pubblikazzjoni fuq sett ritratti li juru l-eqdem ġabra ta’ għana Malti, datata madwar l-1825. Għal xi żmien, ir-ritratti tal-24 għanja kienu jinsabu għand Ġużè Cassar Pullicino. Il-biċċa l-kbira minnhom inkitbu minn letterati żgħażagħ. Ħmistax-il għanja huma ta’ Giuseppe Zammit ‘Brighella’, tnejn ta’ Wiġi Rosato, u tnejn oħra huma miktubin bi sħab: waħda bejn Cesare Vassallo u Giuseppe Zammit, u l-oħra bejn Cesare Vassallo u Giovanni Antonio Michallef. Jifdal ħames għanjiet anonimi.
Sal-iskoperta tagħhom, konna għadna ma nafux li tnejn mill-awturi tagħha – Dun Ġużepp Zammit Brighella u l-biblijotekarju Cesare Vassallo – kienu jiktbu poeżiji bil-Malti.
L-edizzjoni ta’ Vella, imxandra mill-Klabb Kotba Maltin, fiha traskrizzjoni tal-għanjiet flimkien ma’ tagħrif ġdid grammatikali. Fid-daħla tal-ktieb Dr Vella jistqarr li ma kienx jaf fejn kien jinsab il-manuskritt oriġinali, u kien wara li l-ktieb ħareġ għall-bejgħ li rċieva messaġġ mingħand Liam Gauci, dak iż-żmien kuratur tal-Mużew Marittimu, li qallu li dan il-manuskritt kienet xtratu Heritage Malta ftit snin qabel mingħand kollettur privat.
It-tnedija se tibda fis-7:00pm u matulha Dr Vella u s-Sur Gauci se jiddiskutu l-valur lingwistiku u storiku tal-manuskritt, b’akkumpanjament mużikali mill-kantawtur Vince Fabri, li se jagħti l-ħajja lil uħud mill-għanjiet.
Il-biljetti huma bla ħlas iżda għandhom jinqatgħu minn qabel – jew online minn hawn Store – Heritage Malta jew inkella mill-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta – billi l-postijiet huma limitati.
