F’għeluq il-100 sena mill-pubblikazzjoni tat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija, l-Akkademja tal-Malti stiednet numru ta’ kelliema biex jgħaddulna l-fehmiet tagħhom dwar dan il-manwal importanti li fuqu hi msejsa l-ortografija Maltija.
L-interventi tal-kelliema ffokaw fuq aspetti differenti marbuta mat-Tagħrif, mill-ħarsa storika li wasslet għall-istandardizzar tal-kitba bil-Malti, sal-prinċipji ewlenin li fuqhom inbnew ir-regoli miġbura f’dan il-manwal. Ġew diskussi wkoll l-aġġornamenti li saru fih matul is-snin u r-reazzjonijiet li kien hemm għalihom.
Din il-Konferenza saret is-Sibt, 30 ta’ Novembru fiċ-Ċentru tal-Konferenzi f’Dar il-Ħanin Samaritan, Santa Venera, u attendew għaliha awturi, għalliema, studenti, qarrejja tal-provi u dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-ilsien Malti.















