Serata kommemorattiva u tnedija ta’ Il-Malti, 21 ta’ Novembru

Ħarġa speċjali bl-atti tal-Konferenza

Aħna Ġejna mill-Ġenna – l-ispiritwalità fil-ħajja u l-kitba ta’ Oliver Friggieri

Nhar il-Ħamis, 21 ta’ Novembru 2024 l-Akkademja tal-Malti se tfakkar lill-Prof. Oliver Friggieri fir-raba’ anniversarju minn mewtu (21.11.2020). Il-pubblikazzjoni tiġbor fiha l-atti tal-konferenza preżentati fil-Kunvent tal-Karmelitani fl-Imdina, li kienet ġiet organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta flimkien mal-Akkademja tal-Malti u l-Istitut Karmelitan fil-5 ta’ Marzu 2022.

F’din il-konferenza, bit-tema “Aħna ġejna mill-Ġenna” taw sehemhom seba’ kelliema li ħarsu mill-qrib lejn l-ispiritwalità fil-kitbiet tal-Prof. Friggieri u f’ħajtu.

Din is-serata mużiko-letterarja tinkludi qari ta’ poeżiji minn Mario u Nathalie Micallef u Marceline Galea flimkien ma’ interventi mużikali minn Vince Fabri u Diane Micallef. Rev. Dr Jonathan Farrugia se jagħmel kummentarju qasir dwar il-pubblikazzjoni msemmija hawn fuq.

Fi tmiem is-serata, wara d-diskors tal-President ta’ Malta, Dr George Farrugia, il-President tal-Akkademja, se jippreżenta kopja tal-ħarġa speċjali ta’ Il-Malti lill-Eċċellenza Tagħha Dr Myriam Spiteri Debono.