Il-korrispondenza bejn Ġużè Cardona u Karmen Mikallef Buħaġar

Taħdita ta’ Dr Sergio Grech

Nhar il-Ħamis, 7 ta’ Novembru 2024 fis-7:30 p.m., l-Akkademja tal-Malti se tippreżenta taħdita minn Dr Sergio Grech bit-tema Il-Korrispondenza bejn Ġużè Cardona u Karmen Mikallef Buħaġar. It-taħdita se ssir waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, fis-Sala tal-Qarrejja, l-MFCC, Ta’ Qali.

Matul din it-taħdita Sergio Grech se jitfa’ dawl fuq il-korrispondenza li għaddiet bejn Karmen Mikallef Buħaġar u Ġużè Cardona fis-sittinijiet tas-seklu 20. Mikallef Buħaġar għexet l-Eġittu u wara Londra. Ħajjitha ddedikata biex il-memorja tal-poeta nazzjonali Dun Karm ma tintesiex.

Cardona kien għalliem tal-Malti u għall-MA tiegħu kien ħadem fuq il-bijografija ta’ Dun Karm li wara ħariġha fi ktieb mal-Klabb Kotba Maltin imwaqqaf minn Pawlu Mizzi.

Grech ifittex temi komuni f’dawn l-ittri u jippreżenta l-esperjenza ta’ emigranta li qatt ma qatgħet il-kurdun minn mal-pajjiż tal-oriġini tagħha.  It-taħdita tippreżenta wkoll lil Mikallef Buħaġar bħala kritika tal-Imperu Ingliż u ta’ dak kollu li f’għajnejha kien jikkalpesta l-memorja ta’ Dun Karm.

Dawn l-ittri huma parti mill-kollezzjonijiet tal-Arkivju Nazzjonali fir-Rabat.

It-taħdita hija mingħajr ħlas. Kulħadd huwa mistieden li jattendi.