Kommemorazzjoni Dun Karm, Ottubru 2024

Dun Karm minn Lil Hinn

Nhar it-Tlieta, 15 ta’ Ottubru 2024, Festivals Malta għan-nom tal-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Akkademja tal-Malti fakkru lill-Poeta Nazzjonali Dun Karm b’serata patronizzata mill-President ta’ Malta li saret fis-Sala Agatha Barbara fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard, bit-tema “Dun Karm minn Lil Hinn”.

Matul is-serata ħadu sehem Mro Dominic Galea, il-kantanta Francesca Bezzina u s-Sinjuri Mario Xuereb, Joseph Galea u Antonella Galea Loffreda. Is-serata bdiet bl-Innu Malti kantat mit-Tenur-Bumbardier Georg Zammit flimkien mal-Banda tal-Forzi Armati u ntemmet b’diskors mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono.

Il-President ta’ Malta appellat għal sens ta’ patrijottiżmu kritiku Malti li jibni fuq il-passat u l-preżent, fl-istess waqt li jħares lejn il-futur. Hija qalet li dan għandu jkollu l-għan ewlieni “li nkunu poplu aħjar, kburi bil-kisbiet, ġejjin minn fejn ġejjin u għamilhom min għamilhom u li nħarsu b’fiduċja u b’impenn lejn il-ġejjieni li għandu jkun verament tagħna lkoll.”

Il-President saħqet li l-iskrutinju, il-kritika u l-azzjoni kontinwa huma neċessarji “jekk verament nemmnu f’Malta aħjar, li tmur lil hinn miż-żewġ kampijiet ta’ aħna u huma.” Qalet li dan għandu jixprunana sabiex “Malta tfittex li tgħaqqad lil uliedha naturali u dawk adottivi f’ponn wieħed.” F’dan is-sens, u fl-isfond taċ-ċelebrazzjonijiet tas-sittin sena mill-Indipendenza u l-ħamsin sena ta’ Malta Repubblika, il-President enfasizzat il-bżonn li “nerġgħu nħarsu mill-qrib lejn dak kollu li jgħaqqadna, lejn dak kollu li jiddistingwina u li jagħmilna min aħna.” 

Is-serata mużiko-letterarja ħadet is-sura ta’ intervista ma’ Dun Karm Psaila imżewqa b’qari ta’ wħud mill-aqwa sunetti u poeżiji mmużikati minn Mro Dominic Galea. Is-Sur Charles Coleiro qara s-sunett “L-Għanja mill-Qabar Tidwi” miktub għal din l-okkażjoni.

Għas-serata attendew mistiedna distinti, fosthom bosta awturi membri tal-Akkademja li kkontribwew fl-oqsma letterarji u lingwistiċi ta’ lsienna.