
Il-Professur Charles Briffa (t. 16.07.1951) għallem il-letteratura Maltija u t-teorija u l-prattika tat-traduzzjoni fl-Università ta’ Malta għal ħafna snin, u kien kritiku letterarju, riċerkatur tal-Malti, u traduttur.
L-interessi ewlenin tiegħu kienu fl-istilistika konjittiva li tidher sewwa fil-bosta pubblikazzjonijiet tiegħu fuq l-awturi Maltin u l-lingwistika kulturali, li hu xandar regolarment fuq stazzjonijiet differenti tar-radju u t-televixin.
Beda l-karriera tiegħu bħala għalliem fl-iskejjel tal-Knisja u tal-Gvern u wara xi snin bħala Assistent Kap f’Junior Lyceum inħatar Uffiċjal Prinċipali tat-Taqsima tal-Arti fil-Matsec Support Unit. Huwa kien lettur fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u fl-2010 nħatar Professur tad-Dipartiment tat-Traduzzjoni fil-Fakultà tal-Arti.
Kien President tal-Akkademja tal-Malti (2000-2004) u editur ta’ Il-Malti (2000-2001). Organizza bosta korsijiet u ħa sehem f’numru kbir ta’ konferenzi u seminars f’Malta u barra minn xtutna.
Charles kien l-editur ġenerali tal-Kullana Kulturali (PIN) u pubblikazzjonijiet tiegħu kisbu l-ewwel premju fit-taqsima tar-riċerka fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.
Kien kontributur regolari fuq l-istazzjonijiet lokali u għal ħafna semmiegħa tar-radju u telespettaturi tat-televiżjoni kien magħruf għall-ispjegazzjoni artikulata tiegħu dwar il-kitba Maltija.
Fit-13 ta’ Diċembru 2020 inħatar formalment Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu (MOM) għas-sehem tiegħu fl-istudju tal-Malti u l-letteratura.
L-Akkademja tal-Malti ssellem lill-Prof. Charles Briffa u tgħaddi l-kondoljanzi lil martu Angela, uliedu, lill-qraba u l-ħbieb tiegħu.