Il-Laqgħa Ġenerali Ordinarja tal-Akkademja tal-Malti saret fil-11 ta’ Lulju 2024 f’Dar l-Ewropa, il-Belt u mxiet mal-aġenda kif jitlob l-istatut.
Joseph P. Borg (Segretarju) qara l-minuti tal-LĠO tal-11.07.2023 li fost oħrajn, semmew li matul is-snin 2021-2023 b’kollox kienu saru 91 laqgħa, il-ħarġa akkademika ta’ Il-Malti (XCIV, 2021), it-taħditiet li saru minn Dr Mario Cassar, Dr Sergio Grech u Simon Salafia, il-ktejjeb diġitali għall-istudenti aċċessibbli permezz ta’ QR code u l-konferenza ‘L-Użu tal-Malti Fostna’ tas-26 ta’ April 2023 bħala parti mill-kampanja li saret mal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Il-minuti rreġistraw ukoll il-wirja ma’ Heritage Malta ‘Il-Malti: il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali’ bi ktejjeb jikkumplimenta l-wirja; it-tnedija ta’ Fejjaqtni Int – Rużar Briffa u Jien ta’ Paul P. Borg f’għeluq is-sittin sena mill-mewt tal-Poeta u s-serata f’ġieħ Oliver Friggieri f’Għawdex.
Ir-Rapport Amministrattiv intbagħat lill-membri kollha b’email u fil-LĠ ġie ppreżentat permezz ta’ powerpoint. Ir-Rapport inkluda l-attivitajiet li ġew organizzati matul l-aħħar sena fosthom is-serati f’ġieħ il-Prof. Ġużè Aquilina fil-Knisja tal-Munxar (20.10.2023) u f’ġieħ Ġorġ Pisani fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, ir-Rabat, f’Għawdex. Issemmiet ukoll il-Midalja tad-Deheb (14.11.2024) – onorifiċenza li ngħatat lis-Sur Charles Casha għas-sehem imprezzabbli tiegħu fil-qasam letterarju Malti.
Ir-rapport inkluda wkoll dettalji dwar il-ħarġa speċjali ta’ Il-Malti f’ġieħ Oliver Friggieri li tinsab finalizzata biex tmur għall-istampa u r-raba’ edizzjoni ta’ Il-Fidwa tal-Bdiewa li ġiet ippubblikata bħala l-ewwel volum fis-Sensiela Letteratura Klassika Maltija. Ir-rapport semma wkoll l-erba’ taħditiet li l-Akkademja organizzat matul l-2023-2024: f’Settembru ta’ Charles Bezzina bit-taħdita dwar l-Ilsien Malti f’Għawdex fis-snin tal-Gwerra; fi Frar it-taħdita ta’ Dr Noel Buttigieg dwar ‘L-ikel u lil hinn minnu f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka’; f’April it-taħdita ta’ Ivan Said fuq May Butcher, dwar ‘l-Ingliża li ħabbet l-ilsien Malti u xprunat it-traduzzjoni’, u f’Mejju ta’ Leanne Ellul dwar l-onomatopea fil-Malti.
Kemm il-Minuti kif ukoll ir-Rapport Amministrattiv ġew approvati unanimament mill-membri preżenti.
Phyllis Debono (Teżoriera) qrat ir-Rapport Finanzjarju li ġie approvat unanimament. Ġorġ Borg u Anthea Enriquez inħatru bħala awdituri u ffirmaw id-dokumenti.
Fid-diskors tiegħu bit-titlu ‘Eżami ta’ Kuxjenza’, Dr George Farrugia (il-President tal-Akkademja) fisser it-tħassib tiegħu għall-fatt li minkejja l-bosta attivitajiet li torganizza l-Akkademja u minkejja n-numru mdaqqas ta’ msieħba, huma tassew ftit dawk li juru interess u jattendu dawn l-attivitajiet jew li jinvolvu ruħhom, b’xi mod jew ieħor, fil-ħidma tal-Akkademja. Huwa fakkar li l-membri kollha, u mhux il-membri li jiffurmaw il-Kunsill biss, għandhom iħossuhom parti mill-Akkademja. Id-diskors tiegħu kien mibni fuq spunt li ħa mill-editorjal ta’ Il-Malti ta’ Diċembru 1975 bit-titlu ‘Il-futur tal-Akkademja’ li kien ifisser sentimenti simili.
Il-Laqgħa Ġenerali Ordinarja għalqet wara diskussjoni bejn il-membri preżenti li matulha, fost ħwejjeġ oħra, issemmew iċ-ċekkjatur tal-Malti bħala għodda tant meħtieġa fiż-żminijiet tal-lum, u l-ħsieb li jiġi organizzat seminar li jinvolvi direttament lill-membri dwar il-futur tal-Akkademja.
Ritratti tal-Laqgħa Ġenerali Ordinarja









