L-onomatopea tirreferi għall-ħolqien ta’ ħoss fil-lingwa li jimita ħoss fid-dinja. Hija fenomenu lingwistiku mħaddem qatigħ fil-poeżija u fil-letteratura wkoll. Fil-każ tal-Malti, ħafna ħsejjes onomatopejċi huma kelmiet kwadrilitteri ta’ suriet varji bħal barqam (1234)u damdam (1212). Permezz tal-onomatopea f’lingwi differenti nimitaw il-ħsejjes tal-ambjent naturali bħal venven, il-ħsejjes tal-annimali bħal żanżan, il-ħsejjes li jagħmel il-bniedem b’ħalqu bħal laqlaq u li jagħmel il-bniedem b’ġismu bħal tektek, fost tant ħsejjes oħrajn. Matul din it-taħdita nagħti ħarsa lejn id-definizzjonijiet ta’ onomatopea, lejn eżempji ta’ verbi u nomi kwadrilitteri fil-Malti flimkien ma’ kliem onomatopejku ieħor li mhux ta’ nisel Għarbi, u lejn l-onomatopea fil-poeżija. Nistaqsi wkoll: L-onomatopea fenomenu universali? Il-ħsejjes fil-lingwa tassew jimitaw il-ħsejjes fid-dinja? U hemm ħsejjes fil-lingwa li huma eqreb lejn ħsejjes fid-dinja minn oħrajn? Sat-tmiem, aktarx li mhux se naslu għal tweġibiet fissi, imma naslu biex nibdew naħsbu fi spettru ta’ kliem li jirrappreżenta l-ħsejjes li nisimgħu ta’ kuljum.






