L-ikel u lil hinn minnu f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka

TAĦDITA organizzata mill-Akkademja tal-Malti, fis-26 ta’ Frar 2024, f’Dar Ħanin Samaritan, Santa Venera, fis-6pm.

L-Akkademja tal-Malti kompliet bl-impenn tagħha li xxerred it-tagħlim u t-tagħrif fejn tidħol l-istorja għanja tal-letteratura Maltija.

Kien imiss lil Dr Noel Buttigieg li jagħmel taħdita bit-titlu “L-Ikel u lil hinn Minnu f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka”– ir-rumanz magħruf ta’ Juan Mamo.

Buttigieg spjega li r-rumanz ta’ Juan Mamo hu mnaqqax b’bosta episodji marbutin mal-ikel. Kważi f’kull faċċata l-ikel jiġi ċċelebrat fil-kuntest tal-individwu, tal-familja, tal-ġirien u saħansitra tal-komunità. L-awtur stieden lil dawk preżenti biex jaħsbu fuq l-ikel bħala mezz biex jifhmu aħjar il-kultura Maltija, bid-dikotomiji kollha tagħha. Bħal ktieb tar-riċetti, ir-rumanz jgħid żewġ stejjer, dik tal-awtur, u dik tal-qarrej. L-esplorazzjoni ta’ dawn l-istejjer u t-temi fasslu l-qofol ta’ din it-taħdita, fejn l-ikel huwa wkoll sitwazzjoni li jiftaħ tieqa fuq aspetti ta’ kontinwità u bidla.

Dr Noel Buttigieg stieden lill-udjenza tikkunsidra erba’ temi mislutin mix-xogħol ta’ Juan Mamo. Buttigieg ħaddem dawn it-temi biex filwaqt li jesponi l-użu tal-ikel fir-rumanz, juri kif Juan Mamo iservi l-ikel b’mod li jesprimi l-preokkupazzjonijiet tiegħu dwar il-Maltin ta’ madwaru.