Is-Sur Charles Casha r-rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb “Ġieħ l-Akkademja tal-Malti” 2023

Charles Casha huwa r-rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ għas-sena 2023. L-investitura saret f’Jum l-Akkademja tal-Malti taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tiegħu George Vella, il-President ta’ Malta, waqt serata fil-Palazz ta’ Sant’Anton fl-14 ta’ Novembru 2023. Fost il-mistednin distinti kien hemm il-Kunsill u l-imsieħba tal-Akkademja tal-Malti kif ukoll qraba, ħbieb, awturi u pubblikaturi tas-Sur Casha.


Agħfas HAWN biex tara filmat qasir tas-serata.

Din l-onorifiċenza tingħata lil min ikun iddistingwa ruħu b’ħidma tul ħajtu kollha għall-Ilsien Malti u għal-letteratura Maltija.

Aktar minn 60 ktieb ħarġu mill-pinna ta’ Charles Casha. Fost il-pubblikazzjonijiet tiegħu hemm kotba ta’ tagħlim għat-tfal; poeżiji, stejjer u rumanzi għat-tfal; rumanzi u drammi għaż-żgħażagħ; poeżiji, novelli u rumanzi għall-adulti, traduzzjonijiet u l-awtobijografija Jien ukoll għandi storja xi ngħid. Bla dubju ta’ xejn, l-aktar karattru maħbub huwa dak ta’ Fra Mudest, li huwa ħoloq fl-1967. Il-Professur Oliver Friggieri jqis lil dan il-karattru “suċċessur modern ta’ karattru klassiku, bħal Ġaħan, imma li hu wisq aktar kumpless u paradossali minn Ġaħan.” Casha kien ukoll wieħed mill-pijunieri tal-kitba għat-tfal meta fil-bidu tas-sebgħinijiet din bdiet tieħu xejra ġdida biex jimtela l-vojt li kien jinħass f’dan il-qasam.

Fid-diskors tiegħu, il-President ta’ Malta fisser li bħalma s-Sur Casha sawwar il-karattri tal-kitbiet tiegħu mir-realtà li ltaqa’ magħha ta’ kuljum, “ma rridux ninsew kemm sawwar karattri ta’ studenti f’valuri li ma jinbidlux mal-moda jew maż-żmien. Dan ġara għax għas-Sur Casha, kif għandu jkun, li timxi maż-żminijiet ma jfissirx li tkisser il-valuri tajbin u fundamentali.”

Dr George Farrugia, il-President tal-Akkademja tal-Malti, fid-diskors tiegħu ġabar fil-qosor l-istorja tal-Midalja tad-Deheb li fil-bidu kienet tingħata bħala ‘Premju Ġużè Muscat Azzopardi’. Matul il-programm ħadu sehem Joe Borg, Rita Saliba u Kristjana Casha li qraw proża u poeżiji ta’ Charles Casha. Mario Debono, akkumpanjat minn Paul Busuttil Delbridge kantaw kanzunetti tal-istess awtur mal-kordi tal-kitarri. Il-programm kien jinkludi wkoll intervista ta’ Dr Sergio Grech lil Charles Casha.

Din kienet is-seba’ Midalja tad-Deheb li ngħatat. L-ewwel waħda ngħatat lill-mibki Professur Oliver Friggieri fl-2016. Matul is-snin ta’ wara ngħatat lill-Mons. Lawrenz Cachia, Trevor Żahra, Victor Fenech, Lina Brockdorff, Prof. Manwel Mifsud u Prof. Albert Borg.