Aħna, l-għaqdiet u l-entitajiet li jaħdmu favur l-iżvilupp tal-ilsien Malti, naqblu mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti li t-twaqqif taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti mniedi mill-Ministru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u l-Gvern Lokali huwa null għaliex sar bla tħejjija ta’ xejn u mingħajr ma saret konsultazzjoni mal-Kunsill tal-Malti bil-mod kif titlobha l-liġi. Aħna għandna fiduċja sħiħa fil-Kunsill u t-tmexxija tiegħu, u qegħdin nappoġġjawh f’din il-kwistjoni li nħolqot bla bżonn.
Min irid jgħin l-Ilsien Malti u jġibu ’l quddiem ma jagħmilx dan billi jieħu l-liġi f’idejh u jmur kontra l-għaqdiet li ilhom jaħdmu b’mod serju u professjonali favur ilsienna u dejjem mingħajr ħlas.
Għalhekk, filwaqt li dan l-Avviż Legali illegali u ċ-Ċentru li twaqqaf ma nistgħux nagħrfuhom, nilqgħu kull inizjattiva min-naħa tal-Ministru Owen Bonnici biex, skont l-ispirtu u l-kelma tal-Att dwar l-Ilsien Malti, insaħħu lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u nagħtuh ir-riżorsi li ilu s-snin jistenna. B’hekk ikun jista’ joffri l-għodod meħtieġa lil dawk kollha, f’kull qasam tas-soċjetà, li jużaw u jistudjaw l-ilsien nazzjonali tagħna.
L-Akkademja tal-Malti
Dipartiment tal-Malti, Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta
Dipartiment tal-Malti, Ġ.F.Abela Junior College – L-Università ta’ Malta
Għaqda Qarrejja tal-Provi
Inizjamed
L-Għaqda tal-Għalliema tal-Malti
L-Għaqda tal-Malti – Università