
L-Akkademja tal-Malti tifraħ lil Lara Calleja li rebħet il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura għall-2020 bil-ktieb tagħha Kissirtu Kullimkien.
Fl-istejjer miġburin f’dan il-ktieb, l-awtriċi żagħżugħa teżamina l-konsegwenzi tal-bini bla rażan li ħakem pajjiżna. Fihom insibu ġrajjiet mirduma qalb it-tħaffir u l-iżvilupp sfrenat li ħarbat mhux biss il-bini qadim ta’ qabel imma ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ persuni anonimi li l-istejjer tagħhom se jibqgħu mistura għal dejjem.
Lara Calleja hija wkoll l-awtriċi tar-rumanz Lucy Min? (2017) li bih rebħet fil-kategorija tal-Aħjar Awtriċi Emerġenti fl-2020.
Pajjiżna jieħu sehem f’rotazzjoni ta’ darba kull tliet snin u l-premju jingħata lil erbatax-il awtur/awtriċi mill-Ewropa bħala appoġġ għall-produzzjoni letterarja tagħhom. Il-Premju jiġi organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u permezz ta’ ġurati maħtura mill-konsorzji, fosthom il-European and International Booksellers Federation (EIBF), il-European Writers’ Council (EWC) u l-Federation of European Publishers (FEP).
Għal dis-sena kien imiss li jieħdu sehem dawn il-pajjiżi: l-Albanija, l-Armenja, ir-Repubblika Ċeka, l-Iżlanda, il-Latvja, Malta, il-Moldova, in-Netherlands, il-Portugall, is-Serbja, is-Slovenja, l-Iżvezja u t-Tuneżija.
L-Akkademja tal-Malti bħala msieħba tal-EWC tintalab taħtar persuna esperta fil-letteratura biex tkun waħda fost il-ġurati l-oħra Maltin. L-Akkademja tieħu ħsieb li din il-persuna jkollha dottorat fil-letteratura.
Bis-sehem tagħha f’din il-premjazzjoni, l-Akkademja qed tkompli dak li ilha li bdiet tagħmel sa mit-twaqqif tagħha bħala Għaqda tal-Kittieba tal-Malti fl-1920 biex tippromwovi l-letteratura Maltija hawn Malta u barra.
18 ta’ Mejju 2021