Fuq il-Passi ta’ Vassalli

Din is-serata saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard, nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Jannar 2019, taħt il-patroċinju tal-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, il-President ta’ Malta.

Din il-pubblikazzjoni ta’ 460 paġna tiġbor fiha sitta u tletin kontribuzzjoni li jitfgħu dawl ġdid fuq Vassalli, fosthom il-ħarba mill-ħabs fi żmien l-Ordni, meta kien fil-Gwardja Nazzjonali fi żmien il-Franċiżi, kif qatta’ parti mill-eżilju f’Majorka u li l-Cambridge University Press kienu se jippubblikawlu t-tieni grammatika. Il-volum jinkludi wkoll għadd sabiħ ta’ ritratti li jinkludu dokumenti u riproduzzjoni bil-kulur ta’ ktejjeb rari (u ftit magħruf). Dettalji bijografiċi ta’ Vassalli flimkien mal-għejun tagħhom jikkumplimentaw dan il-ktieb li għandu jkun f’idejn l-istudjużi tal-Malti kif ukoll dawk li għandhom għal qalbhom l-Istorja ta’ pajjiżna.

‘Fuq il-Passi ta’ Vassalli’ jiġbor fih l-aħħar riċerka li saret minn studjużi magħrufa fuq Missier l-Ilsien Malti u huwa pubblikazzjoni tal-Klabb Kotba Maltin.