Wiċċ Malta qabel il-Kavallieri

Taħdita tal-Professur Godfrey Wettinger organizzata mill-Akkademja tal-Malti u d‑Dipartiment tal‑Malti fl-Università ta’ Malta, fis-26 t’April 2007, fl-Università.

Lejn is-sena 1524, sitt snin qabel il-wasla ta’ l-Ordni, ġiet Malta kummissjoni tal-Kavallieri, biex titkixxef fuq il-gżejjer ta’ Malta u Għawdex, fuq id-daqs, is-sura, l-għana jew il-faqar tagħhom, u dak kollu li kellhom dawn il-gżejjer. Ġew biex jaraw jekk l-Ordni kienx jaqblilha taċċetta l-offerta tal-gżejjer li kien bi ħsiebu jagħmlilha l-Imperatur Karlu V.

Wara Bosio, il-kittieb magħruf ta’ l-istorja ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann, il-biċċa l-kbira ta’ dawk li kitbu fuq l-istorja ta’ Malta stqarrew is-sogħba tagħhom li ma setgħux isibu dak li kitbet fuq Malta l-kummissjoni tal-1524.  Apparti Quintinus, li ma kienx tassew storiku, Bosio kien l-ewwel u l-aħħar kittieb tal-Istorja li ra r-rapport tagħhom.

Tassew kien ikun interessanti li kellna nkunu nafu kif kienet Malta dak  iż-żmien. Ħafna studjużi jħossu li mingħajr dan ir-rapport se nibqgħu sajmin minn kull tagħrif fuq il-gżejjer tagħna qabel ma ntlaqtu mit-tibdil kbir li kien hawn ftit wara l-assedju ta’ Malta tal-1565. F’din it-taħdita se nuri li anke mingħajr ir-rapport tal-kummissarji hemm ħafna iżjed minn biżżejjed tagħrif biex inkunu nafu kważi kulma rridu fuq suret artna, kif kienu jgħixu n-nies u fejn, liema xogħol kellhom, u x’sura kellhom dak iż-żmien kemm Malta u kemm Għawdex. Fit-taħdita ntuża biss it-tagħrif meħud mill-ismijiet tal-inħawi taż-żewġ gżejjer kif inhuma magħrufa fid-dokumenti. Barra minnhom hemm bosta għejun oħra ta’ tagħrif li l-istoriku jista’ jgħarbel biex ix-xogħol tiegħu jagħmlu bl-ikbar reqqa.

Prof. Godfrey Wettinger

Fis-sena 2000 Prof. Godfrey Wettinger ippubblika d-dizzjunarju  Place-Names of the Maltese Islands ca. 1300-1800, damma ta’  sitt elef isem ta’ nħawi Maltin li kien ġabar bis-sabar kollu fuq medda ta’ iktar minn 30 sena. Is-siwi ta’ din il-ġabra jinsab mhux biss fil-għadd ta’ kliem qadim li fihom dawn l-ismijiet imma wkoll fit-tifsir tal-ismijiet infushom.

Fl-2006 Wettinger xandar ukoll il-ktieb Kliem Malti Qadim, pubblikazzjoni tad-Dipartiment tal-Malti mal-Istitut tal-Lingwistika.

L-awtur ħadem biex ġabar f’żewġ volumi l-istudji li xandar matul il-karriera twila  tiegħu. Volum minnhom fih il-kitbiet marbutin mal-ilsien Malti fiż-Żmien Nofsani.

Kollha xogħlijiet li jagħmlu mill-Professur Wettinger kontributur ewlieni għall-istorja tal-ilsien Malti mix-xhieda tad-dokumenti oriġinali.