Studju kritiku fuq il-qari tal-Kantilena

Taħdita pubblika ta’ Prof. Bernard Micallef
Il-Ġimgħa, 28 ta’ Marzu 2014 fis-6.00pm
Dar l-Ewropa, Triq San Pawl, il-Belt.

Prof. Bernard Micallef

Isma’ t-taħdita

L-istudji li ttrattaw il-Kantilena mil-lat storiku tawna ħafna motivi bijografiċi li setgħu qanqlu ż-żewġ allegoriji memorabbli ta’ Pietru Caxaru: ix-xbieha tiegħu qiegħed jegħreq f’baħar ta’ inkwiet u x-xbieha daqstant drammatika tar-rovina ta’ daru. Iżda l-Kantilena mhijiex ġeneru storiku. Hi proċess artistiku li jitwettaq permezz ta’ moviment sublimi bejn, ngħidu aħna, il-burdata ta’ disprament fil-bidu u l-burdata opposta ta’ riżoluzzjoni fl-għeluq. Daqstant sublimi huwa l-moviment ironiku bejn il-ħtija insinwata permezz ta’ allużjoni għall-parabbola biblika tad-dar mibnija fuq ir-ramel u l-istess ħtija miċħuda mill-poeta, bl-enfasi kuntrastanti tiegħu fuq bennejja li ma jaħtux. Il-perċezzjonijiet jikbru (bl-iperbole) u jiċkienu (bis-sineddoke) fl-ewwel xbieha allegorika jkomplu jikkonfermaw li l-Kantilena mhix għajr trasformazzjoni estetika ta’ burdati, ilħna, u perċezzjonijiet – ilkoll attivati mill-qarrej.

Minn din l-eżekuzzjoni estetika tal-Kantilena se jitnisslu għadd ta’ nebħiet tematiċi li wieħed qajla jantiċipa. Ngħidu aħna, x’inhu l-effett insinwattiv ta’ indirizz personali lill-ġemgħa li jinbidel ħesrem fil-leħen proverbjali tal-ġemgħa indirizzat, bħala rispons, lil ruħ il-poeta? X’joħroġ minn kunċett ta’ ħtija implikat u miċħud fl-istess waqt, fi djalogu umanistiku mqanqal mal-parabbola biblika? U liema suġġerimenti tematiċi jinbtu mit-tkissir tal-istruttura tal-Kantilena proprju fl-istess mument meta r-ritornell qiegħed jenfasizza t-tiġrif ta’ dar il-kelliem? Dawn il-mekkaniżmi letterarji se jikkonfermaw lill-Kantilena bħala, qabelxejn, esperjenza estetika li tkompli tiġġenera suġġerimenti ġodda ma’ kull qari.

This slideshow requires JavaScript.