Taħdita organizzata mill-Akkademja tal-Malti, l-24 ta’ Frar 2012, fis-6.30, fil-Biblijoteka Nazzjonali, il-Belt Valletta.
Isma’ t-taħdita hawn taħt:

Ninu Cremona – filologu, grammatiku, poeta u folklorista – ta sehem kbir u siewi ħafna fil-kawża biex il-Malti jikseb il-post li jixraqlu u biex ikun miktub b’ortografija uniformi skont regoli grammatikali xjentifiċi.
“Is-Sur Nin”, kif kien magħruf fost ħbiebu, twieled fis-27 ta’ Mejju, 1880 fir-Rabat, Għawdex. Missieru, Feliċ Cremona, kien nutar, arkivista u prokuratur legali tal-fqar f’Għawdex. Ommu Margerita kienet tiġi n-neputija tal-Isqof Pietru Pace. Ta’ 5 snin tilef lil missieru u zijuh, Achille Pace, ġabru miegħu f’Tuneż. Lura f’Malta, issokta l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta’ Flores, fis-seminarju t’Għawdex u wara f’dak ta’ Malta fejn kien beda jikteb il-poeżija bit-Taljan.
Ninu Cremona kien wieħed mill-Fundaturi tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (illum l-Akkademja tal-Malti) u baqa’ sal-aħħar Viċi President tagħha. Bil-ħidma tiegħu f’din l-Għaqda, Ninu Cremona ta l-isbaħ rigal lil pajjiżu. Kien prinċipalment hu li fassal ir-regoli xjentifiċi għall-kitba tal-Malti b’alfabett uniformi u prattiku li stabbilew l-ortografija u fetħu t-triq biex il-Malti jinkiteb b’mod xieraq, ikun aċċettat bħala medju espressiv u jikseb il-post li jixraqlu fl-edukazzjoni u fl-amministrazzjoni. Fl-1924, dawn ir-regoli grammatikali nġabru fil-manwal Tagħrif fuq il-Kitba Maltija. Ninu Cremona ssokta bil-ħidma lingwistika tiegħu u wara tana l-istudju X’inhu l-Malti Safi li fih għal darba oħra wera kemm kien bniedem ta’ dehen u lingwist għaqli u bilanċjat. Kiteb ukoll It-Tagħlim fuq il-Kitba Maltija, grammatika maqsuma f’żewġ kotba li għenet qatigħ biex l-ortografija l-ġdida taqbad l-art fost il-kittieba u s-soċjetà inġenerali.
Fl-1936 Ninu Cremona sar l-ewwel għalliem tal-Malti fil-Liċeo għall-aħħar tliet klassijiet. Ħadem ukoll bħala traduttur tal-Malti fl-Istamperija tal-Gvern fejn dam sal-1941, u kien ukoll Segretarju tal-kummissjoni għat-traduzzjonijiet tal-liġijiet.
Kien għall-ħabta tal-1912 li beda jħoss l-ewwel tqanqiliet għall-kitba letterarja bil-Malti. Il-poeżiji ġabarhom fil-kotba Weraq mar-Riħ, Rand u Riħan u Mis-Siġra ta’ Ħajti. Il-poeżija ta’ Cremona fiha atmosfera ġenerali romantika ta’ niket u misterjożità. Hija l-għanja griża tat-tiġrib tal-ħajja. Għalkemm ma kienx xi poeta ewlieni, il-poeżija tiegħu għandha d-distinzjoni tagħha b’vokabularju iebes u b’xejriet folkloristiċi li jfakkruk fl-art li tatna l-ħajja. Fiha hemm ir-ruħ Maltija.
Is-Sur Nin kien ukoll drammaturgu. L-aqwa xogħol tiegħu huwa Il-Fidwa tal-Bdiewa li jitqies bħala l-ewwel dramm letterarju Malti. Huwa dramm epiku-pastorali, imnebbaħ mill-ġrajja nazzjonali meta l-Maltin qamu kontra l-ħakma fewdali ta’ Monroi u tgħabbew bil-piż li jifdu l-gżira għal rahan ta’ 30 elf fjorin. Id-dramm inkiteb bil-vers endekasillabu fuq it-tifsila tad-dramm Klassiku.
Ninu Cremona kien kittieb prolifiku. Kiteb ukoll proża narrattiva, rumanzett u xi ftit novelli. Ta sehem siewi fil-qasam tal-folklor permezz tar-riċerka u l-istudju tiegħu dwar leġġendi, ħrejjef, drawwiet, opri tal-baħar u terminoloġija marittima. Kellu l-mertu li f’dan il-qasam għamel ukoll studju komparattiv mal-folklor ta’ pajjiżi Ewropej u ntebaħ bl-element Romanz fil-folklor tagħna. Ħallielna wkoll saġġi u għadd ta’ bijografiji ta’ Maltin u barranin li kellhom rabtiet mal-ilsien Malti. L-aqwa u l-itwal bijografija kienet dik ta’ missier in-Nazzjon Malti: Mikiel Anton Vassalli u żminijietu.
Fl-aħħar snin ta’ xjuħitu, is-Sur Nin inġabar Għawdex man-neputijiet tiegħu. Għax ħajja twila u ħabrieka. Għalih, il-Prof. Ġużè Aquilina kien qal hekk: “Ħaġa li kienet tgħaġġibni fis-Sur Nin hi kif waħdu, mingħajr edukazzjoni formali lingwistika f’università, waqqaf, b’ħiltu biss, ir-regoli tal-ortografija Maltija fuq sisien xjentifiċi.” Forsi dan kien l-ikbar wirt li ħallielna. U miegħu, it-tifkiriet ta’ ġentlom li ħabb lil Malta u ’l-ilsien Malti.