Leli ta’ Ħaż-Żgħir

L-Akkademja tal-Malti organizzat it-taħdita ta’ Emanuel Psaila fuq Leli ta’ Ħaż-Żgħir ta’ Ġużè Ellul Mercer, nhar l-Erbgħa, 20 ta’ Marzu 2013 fis-6.30pm, fis-sala tal-Iskola Primarja ta’ Ħ’Attard.

Isma’ t-taħdita hawn taħt.

 

Għandna qanun letterarju? Hawn Malta għandna din it-tip ta’ letteratura? Hemm min jargumenta li m’għandniex jew, jekk hemm, huma ftit il-kotba klassiċi li jidħlu fiha. Jekk hemm ktieb li jistħoqqlu d-deskrizzjoni ta’ ktieb klassiku Malti, dan huwa Leli ta’ Ħaż-Żgħir ta’ Ġużè Ellul Mercer li ġie ppubblikat ħamsa u sebgħin sena ilu.

Għaliex għandna nqisuh ktieb klassiku? Kif inhu differenti dan ir-rumanz mill-oħrajn tal-epoka tiegħu u għaliex għadu relevanti? X’fih dan ir-rumanz li kotba oħra m’għandhomx?

Apparti li kien wieħed mill-ewwel rumanzi li pprova jikser in-norma u tbiegħed mir-Romantiċiżmu biex ħa iktar ix-xejra psikoloġika, ir-rumanz fih iktar minn hekk. Ellul Mercer kien jaf tajjeb l-għodod letterarji u dawn ħaddimhom biex Leli ta’ Ħaż-Żgħir jibqa’ jagħti sfidi letterarji.

Kif qed jaħdmu dawn l-għodod letterarji f’dan ir-rumanz? Ir-repetizzjoni u l-ironija kif qed jagħmel użu minnhom Ellul Mercer? Kif kelma qed tkun integrata f’kuntest sħiħ u fiha tiġbor l-aqwa ħsibijiet bħalma huma l-prefiss “Bu” u l-istrateġija tal-kunjomijiet u tal-irħula?

L-ambjent tar-rumanz huwa fattwali u jimxi kronoloġikament mal-istorja reali. L-ewwel gwerra u l-effett tagħha kif ukoll il-kobor tal-Kungress Ewkaristiku li kien sar f’Malta fl-1913 huma deskritti tajjeb, tant li l-qarrejja faċilment jimmaġinaw dak ix-xenarju. Ħafna mill-kotba li qara Ġużè Ellul Mercer huma msemmija direttament f’dan ir-rumanz u juża wkoll xi parabboli jew frażijiet popolari b’sengħa kbira biex jgħinu fin-nisġa tal-plott, ta’ xi karattri jew ta’ sitwazzjonijiet biex l-intertestwalità tilħaq l-aqwa tagħha.

Dawn kollha jagħmlu lil Leli ta’ Ħaż-Żgħir rumanz estetiku. L-estetika tiegħu tidher ukoll fix-xeni iżolati romantiċi u tinħass permezz tal-qawwa tat-teorija ta’ Immanuel Kant li dejjem saħaq fuq il-kobor tal-ħolqien u min ħalqu.


Emanuel Psaila M.A. kien il-President tal-Għaqda tal-Malti – Università.