Juan Mamo llum

Taħdita organizzata mill-Akkademja tal-Malti, fit-18 ta’ Marzu 2006, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta. Il-kelliem Prof. Adrian Grima.

L-Akkademja stiednet lil Prof. Adrian Grima biex fit-taħdita jagħti tagħrif dwar ħajjet Juan Mamo bl-għajnuna ta’ ritratti u dokumenti oħra. Imbagħad il-mistiedna semgħu fuq il-ħila ta’ Mamo li jinqeda b’lingwa letterarja mhux tas-soltu f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka biex jittratta temi jaħarqu minn perspettivi aktarx progressivi u liberali. Waħda mill-istrateġiji letterarji li ġew diskussi hija l-parodija li Mamo jagħmel tal-istil Romantiku stabbilit ta’ żmienu. Interessanti li ġie mistħarreġ ukoll kif il-pubblikazzjoni tar-rumanz f’faxxikli seta’ influwenza l-istil tiegħu. Semgħu wkoll kif mhuwiex veru li r-rumanz jintemm ħabta u sabta għax fit-test hemm evidenza biżżejjed li Mamo ħejja għat-tmiem minn qabel sewwa. 


ADRIAN GRIMA huwa l-awtur ta’ kotba ta’ poeżiji, novelli u studji akkademiċi li rebħu premjijiet nazzjonali u internazzjonali. Ħa sehem f’konferenzi u f’festivals tal-letteratura f’għadd ta’ pajjiżi fil-Mediterran, l-Ewropa, l-Amerika, l-Asja, l-Awstralja, u l-Karibew.

Ippubblika tliet kotba tal-poeżija għall-kbar bil-Malti, It-Trumbettier (1999), Rakkmu (Klabb Kotba Maltin, 2006) u Riħ min-Nofsinhar (ma’ Dr Immanuel Mifsud, Edizzjoni Skarta, 2008), u żewġ kotba għall-adolexxenti, Din Mhix Logħba (novelli) u Vleġġa Kkargata (poeżiji), bi tpinġijiet ta’ Karen Caruana (Klabb Kotba Maltin 2012). Il-poeżiji tiegħu nqalbu f’bosta lingwi u ħarġu kotba b’dawn it-traduzzjonijiet: Deciphered Lips (trad. Catherine McGrotty, Verbal Arts Centre, l-Irlanda ta’ Fuq, 2013); Ici arrivent les mouettes (trad. ta’ Elizabeth Grech, Fondation de Malte 2012); La coda della freccia (ed. Costanza Ferrini, Lushir, 2011); Adrian Grima (Hochroth,Berlin, 2010); u The Tragedy of the Elephant (Midsea Books, Inizjamed, 2005). Adrian Grima jgħallem il-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta. Huwa l-koordinatur tal-organizzazzjoni volontarja Inizjamed li twaqqfet fl-1998 u tieħu ħsieb il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.

Prof. Adrian Grima