Taħdita organizzata mill-Akkademja tal Malti u d Dipartiment tal Kurrikulu u t Tagħlim Elettroniku.
Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, fil-31 ta’ Ottubru 2013, fil-5.30pm.
Fil-klassi l-għalliema jgħallmu li kelma bħal jaqraha rridu llissnuha [jaqrà], mhux [jaqraħħa]. U ħafna jiskantaw kif illum mhux l-istudenti tal-Primarja u s-Sekondarja biss ilissnu [jaqraħħa], imma l-ħaddiema u l-professjonisti żgħażagħ ukoll.
L-istudju ta’ Christina Sammut fuq il-firxa tal-pronunzja [jaqraħħa] ma joqgħodx fuq l-impressjonijiet imma huwa msejjes fuq stħarriġ sistematiku ma’ tfal, nisa u rġiel magħżula minn lokalitajiet differenti, bi sfond edukattiv differenti u li l-età tagħhom tvarja minn 10 snin sa 95 sena. Ir-riżultati sa issa jindikaw li, almenu f’Malta (għax Għawdex ma kienx inkluż fir-riċerka), il-varjabbli soċjali li tħoll u torbot kif illissnu jaqraha hija l-età. L-istħarriġ juri mhux biss li terz tal-intervistati jlissnu [jaqraħħa] imma wkoll li l-perċentwal huwa wisq ogħla jekk nieħdu ż-żgħażagħ għalihom.
Din it-taħdita għandha tinteressa lill-għalliema u lill-eżaminaturi għax, għalkemm din il-bidla fil-ħoss hija mifruxa ħafna, jidher li mhix aċċettata fl-eżamijiet orali.
Aqra iżjed: Il-pronunzja tas-Suffiss Pronominali
Christina Sammut kisbet grad tal-ewwel klassi fil-Baċellerat tal-Malti (Unuri), b’teżi marbuta mal-pronunzja tas-suffissi pronominali -aha, -ahom, -ahulu. Fl-2012 iggradwat fil-qasam pedagoġiku, għallmet fl-MCAST u bħalissa tgħallem il-Kulleġġ San Albert.