Taħdita organizzata mill-Akkademja tal-Malti u d‑Dipartiment tal‑Kurrikulu u t‑Tagħlim Elettroniku
Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, fil-21 ta’ Mejju 2013, fil-5.00pm
Isma’ t-taħdita hawn taħt.
Skont l-ewwel regola ta’ Taqsima Ċ fiż-Żieda mat-Tagħrif, “Kliem barrani li fl-ilsien barrani jibda bil-vokali ‘i’, jibqa’ jżomm l-‘i’ bħala parti integrali tal-kelma wkoll meta l-kelma ta’ qabel tispiċċa b’vokali”. Mela l-i ta’ ‘interessanti’ u ta’ ‘importanti’ huma etimoloġiċi għax ħadniehom mir-Rumanz interessante u importante. Din ir-regola kemm hija ċara u ħafifa biex napplikawha?
Għad hemm dubju jekk xi kliem jinkitibx bil-vokali ‘etimoloġika’. Ngħidu aħna, irrabja tinkiteb dejjem bl-i? Dik l-i hija etimoloġika? Id-dizzjunarji jgħidulna li ġejja mit-Taljan arrabbiare, mela jekk naqblu ma’ din l-etimoloġija, għandna bidla fonetika minn ‘a’ għal ‘i’? Xi kliem ieħor hemm fil-Malti li ġarrab din il-bidla?
Fit-taħdita se nressaq ġabra ta’ verbi u xi nomi Rumanzi li jfixkluna kif għandna niktbuhom. Jidher li r-regola uffiċjali mhix ċara u qiegħda tiġa interpretata b’modi differenti. Iż-żewġ kurrenti ewlenin huma:
(a) l-i f’verbi bħal ‘irrabja’ qed tieħu post l-a etimoloġika u b’hekk trid tinkiteb dejjem
(b) ladarba din il-kelma fit-Taljan ma tibdiex bil-‘a’, hija vokali tal-leħen.
Hemm verbi bħal ‘ibbalzma’ li l-etimoloġija hija dubjuża. Daħlet mit-Taljan imbalsamare jew mill-Isqalli, li jtina ż-żewġ forom imbalsamari u mbalsamari. F’dal-każ nistgħu niktbuha kif jidhrilna aħna ladarba l-etimoloġija mhix ċara? Minn fejn ħadnieha ‘kkuntenta’? Minn contentare jew minn accontentare?
Dawn u għadd ta’ verbi oħrajn se jiġu diskussi fit-taħdita. Kemm jista’ jkun se jsir tqabbil mal-etimoloġija u meta n-nisel tagħhom mhuwiex ċar jingħataw etimoloġiji alternattivi għax sal-lum għad m’għandniex biżżejjed sorsi li jikkonfermaw ix-xhieda tagħhom. Din il-problema kif ippruvaw isolvuha d-dizzjunarji ewlenin?