Il-Preżenza tal-Ilsien Malti fil-Proġetti Kirografiċi u Semjotiċi ta’ William Wolowski

Taħdita pubblika ta’ Dr Mario Cassar
f’Dar l-Ewropa
 nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Jannar 2018, fis-6.15 p.m.

Il-kirografija hija l-istudju tal-arti tal-kitba bl-idejn bħala għodda espressiva, u li għaldaqstant għandha dimensjoni estetika daqskemm semjotika. William Wolkowski huwa professur Franċiż-Pollakk li ħakem l-arti tal-kirografija u li bħal skriba medjevali jfittex li jagħti kulur, timbru, karattru lil dawk it-testi li jagħżel jinterpreta. Mill-1987 ’l hawn espona l-kollezzjonijiet kirografiċi tiegħu fi sbatax-il pajjiż differenti. F’dawn ix-xogħlijiet kultant jitfaċċaw anki kontribuzzjonijiet bil-Malti. Fil-fatt, s’issa, l-ilsien Malti deher f’mhux anqas minn tlettax-il proġett kirografiku minn tiegħu. Fost dawn nistgħu nsemmu l-Ave Maria u l-Pater Noster, kif ukoll kwotazzjonijiet minn Lewis Carroll, Nicolai Gogol, Arthur Rimbaud, Marie Curie, William Shakespeare, Il-Vanġelu ta’ San Ġwann, u l-Apokalissi. Dan l-aħħar Wolkowski nieda wkoll proġett interessanti fuq il-poeżija Marjana bil-Malti. L-Interpretazzjonijiet kirografiċi ta’ dawn il-poeżiji sa jidhru għall-ewwel darba appuntu waqt din it-taħdita. Sa jidhru wkoll għall-ewwel darba tliet interpretazzjonijiet tal-famuża Ode to Joy ta’ Schiller bil-Malti.