Taħdita organizzata mill-Akkademja tal-Malti fis-26 ta’ Novembru 2010, fis-6.00pm, fis-sala tal-Iskola Primarja ta’ Ħ’Attard. Ippubblikata minn Prof. Bernard Micallef fil-ħarġa akkademika ta’ Il-Malti LXXXVIII (2015) bit-titlu: “L-arti satirika fin-novelli ta’ Juan Mamo: minn realtà storika sa frattarija ta’ perspettivi”.
Għadha kemm ħarġet ġabra ta’ novelli ta’ Juann Mamo (1886-1941). Minħabba l-istil eċċezzjonali ta’ dawn ir-rakkonti, l-ippubblikar tagħhom huwa aħbar sabiħa fl-istorja tal-letteratura bil-Malti.
In-novelli kienu mxandrin f’għadd kbir ta’ gazzetti tat-tletinijiet u l-awtur kellu l-intenzjoni li jiġborhom fi ktieb bl-isem Ġrajja Maltija. Għal xi raġuni jew oħra, in-novelli baqgħu sparpaljati fil-gazzetti sakemm Mark Vella, awtur ta’ żewġ teżijiet fuq in-novella, editjahom u ppubblikahom.
L-Akkademja tal-Malti tagħraf is-sehem ċentrali ta’ Mamo fl-iżvilupp tan-novella Maltija u stiednet lill-pubbliku għat-taħdita ta’ Prof. Bernard Micallef fuq is-satira li Mamo jħaddem f’dawn in-novelli.
Prof. Micallef ittratta l-modi kif il-fatt storiku jinbidel f’mekkaniżmi letterarji – bħall-parodija, l-ironija, u ż-żuffjett satiriku – biex jinħoloq effett akbar mir-rakkont storiku taċ-ċirkustanzi reali ta’ żmien Mamo. L-għan tad-diskors hu li juri kif il-letteratura satirika ma tirrepetix iċ-ċirkustanzi storiċi, iżda tittrasformahom f’għamla grotteska, u b’hekk toħloq ħarsa kritika lejn ir-realtà tal-imgħoddi. L-imgħoddi mhux ripetut fis-satira, iżda hu sottomess għall-iskrutinju letterarju tal-għodda satirika. Minflok l-imgħoddi fih innifsu, ir-rakkont ta’ Mamo jagħtina għodda letterarja li tkabbar l-għarfien tal-imgħoddi.