Il-Karnival f’Malta ta’ żmien l-Ordni kien opportunità ta’ żvog qabel Randan ta’ sawm, astinenza u ta’ waqfien minn kull xorta ta’ divertiment. Iżda kien ukoll mimli b’ritwali ta’ poter u ta’ ħarba minn realtà soċjali u ekonomika oppressiva. Il-logħob tan-nar, il-maskri, il-qarċilla u t-taqbiliet kienu jiġbdu lejhom l-eluf. Il-Knisja, mill-banda l-oħra, kienet torganizza l-kwaranturi b’reazzjoni.