Il-grammatika tal-kunjomijiet Maltin ta’ nisel Taljan

Taħdita organizzata mill-Akkademja tal-Malti u d‑Dipartiment tal‑Kurrikulu u t‑Tagħlim Elettroniku
Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, fil-11 ta’ Diċembru 2013, fil-5.30pm

Isma’ t-taħdita hawn taħt.

 

Jekk il-kunjomijiet jitqiesu bħala realizzazzjoni mikrokożmika tal-lingwa, allura jistgħu jiġu studjati morfoloġikament bl-istess mekkaniżmi loġiċi u bl-istess tassonomija sistematika li s-soltu nużaw fl-istudju tal-grammatika. Għalkemm il-kunjomijiet li sa niddiskutu jidhru li huma Taljani (jew Sqallin) fil-forma preżenti tagħhom, jista’ jkunu addattamenti ta’ kunjomijiet Rumanzi oħra (eż. Spanjoli jew Franċiżi). Fost ħwejjeġ oħra sa jiġu analizzati kunjomijiet bl-artiklu (e.g. La Rosa, Lapira); kunjomijiet bil-prepożizzjonijiet (e.g. Demarco, De Felice), kunjomijiet b’suffissi diminuttivi (e.g. Bonello, Castelletti), kunjomijiet b’suffissi awmentattivi u spreġjattivi (e.g. Ascione, Varrazzo), kunjomijiet f’forom aġġettivali u partiċipjali (e.g. Terribile, Amato), kunjomijiet b’suffissi etniċi (e.g. Fiorentino, Padovani), kunjomijiet b’suffissi li jindikaw xi mestier (e.g. Carbonaro, Barbieri), u kunjomijiet bi struttura komposta (e.g. Testaferrata, Quattromani). Nippruvaw nifhmu l-valur tad-desinenza –i fit-tarf ta’ ħafna kunjomijiet (e.g. Magri, Lombardi). Jiġu analizzati wkoll mekkaniżmi oħra bħall-agglutinazzjoni, il-metatesi, l-apokope, u s-sinkope. Jekk jifdal ħin niddiskutu wkoll xi fenomeni fonoloġiċi bħalma huma l-assimilazzjoni, il-ġeminazzjoni, il-betaċiżmu u r-rotaċiżmu.

 

Dr Mario Cassar

Dr Mario Cassar huwa Senior Lecturer II fi ħdan id-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College tal-Università. Kien President tal-Għaqda tal-Malti (Università) bejn is-snin 1992-94 u ħa ħsieb jorganizza għadd ta’ seminars u korsijiet ta’ taħriġ fil-Malti. Huwa l-awtur ta’ Ir-Reqqa tal-Kitba (Malta, 2000), The Surnames of the Maltese Islands: An Etymological Dictionary (Malta, 2003), u ta’ għadd ta’ studji marbutin  mal-onomastika, il-lingwa u l-letteratura Maltija. Huwa koawtur ta’ Il-Qari tal-Letteratura: Bejn Esperjenza u Kritika (ed. T. Portelli, Malta, 2009) u L’ultima città musulmana: Lucera (Bari, 2012). Huwa membru tal-Akkademja tal-Malti u msieħeb fl-ICOS (International Council of Onomastic Sciences).