Dun Karm u Caruana Dingli

Isma’ t-taħdita hawn taħt.

Dr Giuseppe Schembri Bonaci

X’hemm komuni bejn il-lirika Romantika Dunkarmjana u l-kwadri mpittra minn Caruana Dingli?

Dun Karm u Caruana Dingli kienu kontemporanji ta’ xulxin. Kemm il-Poeta Nazzjonali kif ukoll Caruana Dingli – magħruf bħala l-aqwa ritrattista tal-Imperu Ingliż – kienu żewġ personalitajiet li rriflettew, issimbolizzaw u qanqlu kontradizzjonijiet fondi li evolvew il-gżira-stat.

Dun Karm kien jemmen fl-Italjanità u Caruana Dingli kien anglofoniku. It-tnejn li huma ħtiġilhom jirrisolvu l-ossimoru ta’ Malta, li mill-uġigħ tal-ħlas kellha tgħaddi għall-modernità  u taqbad it-triq għal stat indipendenti. Dun Karm għanna l-ġrajja epika u għolla l-ilsien qadim waqt li Caruana Dingli lewwen il-preżenza idillika iżda xiżmoġenetika tagħha, fi struttura eġemonika li kienet tirrifletti l-interessi imperjali.

Il-pajsaġġ Malti, l-ambjent rurali u folkloristiku, is-senswalità femminili mqar meta moħbija taħt l-għonnella, ix-xewqat u x-xenqat għall-ideal, il-biża’ u l-ansjetà tal-Jien u Lil Hinn Minnu u l-memorja kollettiva mnaqqxa mill-ġrajjiet ewlenin, huma fost it-temi li Dr Giuseppe Schembri Bonaci għarbel waqt din it-taħdit.