Analiżi tal-ġens grammatikali fil-Malti skont nisel in-nom – Tendenzi ġodda?

Taħdita organizzata mill-Akkademja tal-Malti u d-Dipartiment tal-Malti tal-Università, nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Marzu 2012, fis-6.30, l-Università ta’ Malta.

Isma’ t-taħdita hawn taħt (maqsuma b’żewġ partijiet).

Il-proċess kif in-nomi jingħataw ġens partikolari ta’ spiss jitqies bħala biċċa wġigħ ta’ ras għal min ikun qed jistudja xi lsien ieħor li fih din is-sistema. Dan seta’ ġara lilna meta konna qed nistudjaw, ngħidu aħna, il‑Franċiż jew il‑Ġermaniż. Fil‑fatt f’ħafna ilsna l‑ġens jitqies bħala kategorija grammatikali li ma jidhirx li għandha xi forma ta’ sistemazzjoni. Madankollu, għall-kelliema tal-lingwa nattiva, fosthom il‑kelliema tal‑Malti, din tidher biċċa xogħol faċli, u fil-parti l-kbira tal-każi ma jsibu l-ebda diffikultà biex jassoċjaw eluf ta’ nomi ma’ ġens partikolari.

Il-Malti huwa lingwa li fiha s-sistema tal-ġens grammatikali hija b’saħħitha ħafna, tant li kull nom irid jingħatalu ġens jew ieħor, maskil jew femminil. Dan jgħodd ukoll għan‑nomi missellfa fi lsienna, anke jekk fl-ilsien oriġinali ma tkunx teżisti l-kategorija tal-ġens.

Min jaf kemm‑il darba smajna li fil‑Malti n‑nomi li jispiċċaw bit‑tarf -a huma femminili u dawk li jispiċċaw bil‑konsonanti huma maskili. Dan, sa ċertu punt, jikkonfermawh anke l‑grammatiki tagħna. Iżda kemm huwa minnu għalkollox? Kliem bħal id, sieq, triq, reliġjon, sopran, ċart, friġġ, wajper, jispiċċa bil‑konsonanti iżda huwa femminil. Kliem bħal għana, ilma, sewwa, papa, messija, profeta, poeta, jispiċċa bit‑tarf -a iżda huwa maskil. Hemm nomi oħrajn li donnu l‑ġens tagħhom mhuwiex stabbilit, kif jidher f’din it‑tabella:

 Maskil  Femminil
sema 45% 55%
qorti 45% 55%
extrej 39% 61%
kuxin 47% 53%
esej 38% 62%

L‑iskema tal‑ġens tan‑nomi tal‑Malti Semitiku matul is‑snin ġiet f’kuntatt dirett u fit‑tul ma’ skemi morfoloġiċi oħra li ma jaqblux għalkollox magħha, b’mod speċjali dik tal‑Isqalli/Taljan u tal‑Ingliż. Ir‑riżultat aħħari f’kull każ kien l‑integrazzjoni ta’ elementi differenti skont kriterji li mhumiex dejjem ċari biex tagħrafhom. L‑għan ta’ din it‑taħdita huwa sewwasew li jistħarreġ l‑għoti tal‑ġens grammatikali fil‑Malti b’mod partikolari skont nisel in‑nom. F’din it‑taħdita, ibbażata fuq studju kwalitattiv u kwantitattiv, mibni fuq kampjun ta’ kważi 23,000 nom, nippruvaw inwieġbu mistoqsijiet bħal:

‑ Hemm rabta bejn tarf in‑nom u l‑ġens li jingħatalu? U jekk teżisti din ir‑rabta kemm hija qawwija u kif tapplika għal truf varji u għal nomi ta’ nisel differenti fil‑Malti?

  • Hemm xi tendenzi partikolari/ġodda li nistgħu nosservaw fl‑għoti tal‑ġens fil‑Malti?
  • Minbarra tarf in-nom hemm xi fatturi oħrajn li jiddeterminaw l-għażla tal-ġens?