Taħdita organizzata mill-Akkademja tal-Malti, it-Tnejn, 28 ta’ Marzu 2011, fis-6.30 pm, fis-Sala Francis Ebejer, l-Università ta’ Malta.
Din l-analiżi tal-prietki mhux biss timraħ fil-kuntest tal-hekk imsejħa Letteratura di pietà, jew aħjar fil-kuntest ġenerali tal-letteratura reliġjuża, iżda wkoll fid-dawl tal-firxa vasta tal-aspetti storiċi, antropoloġici, kulturali, lingwistiċi, semjotiċi, retoriċi, teatrali, komparatistiċi, teoloġiċi u naturalment letterarji. B’hekk, kif wieħed jista’ jara, Dr Zammit fittex li janalizza l-imsemmija prietki minn diversi punti di vista, b’mod li l-istess riċerka ħadet ix-xejra ta’ studju prettament multidixxiplinari. Huwa ferm interessanti l-fatt li diversi predikaturi Maltin bħal Antonio Agius, Antonino Borg, Giovanni Battista Tolossenti, Costanzo Vella, Ignazio Saverio Mifsud u Francesco Saverio Baldacchino, ġew influwenzati minn uħud mill-aqwa esponenti tal-elokwenza Taljana, fosthom Cornelio Musso, Francesco Panigarola u Paolo Segneri. Dawn l-esponenti jistgħu jitqiesu bħala mudelli raffinati ta’ stil u ta’ kwalità mhux inferjuri għal dawk ta’ ġeneri letterarji oħra.
Il-predikazzjoni f’Malta, għal bosta sekli, kienet partikolarment influwenzata minn dik Taljana, speċjalment fit-tendenza tagħha li tħaddan l-elokwenza tipikament barokka, karatteristika li f’Malta tissokta anki wara s-seklu 18.

It-taħdita ta’ Dr Stephen Zammit dehret fil-ħarġa speċjali ta’ Il-Malti LXXXVII (2014) bit-titlu: “Analiżi ta’ prietki bit-Taljan minn awturi Maltin tas-sekli sbatax-dsatax”.
Dr Stephen Zammit
Senior Lecturer tal-Lingwa, Letteratura u Kultura Taljana ġewwa l-Junior College. Wara li ggradwa B.A. fit-Taljan u fil-Komunikazzjoni, kiseb il-Masters fit-Taljan permezz ta’ teżi dwar il-kronaka storika ta’ Ignazio Saverio Mifsud bl-isem ta’ Il Giornale Maltese fil-kuntest tal-kronakistika tas-seklu 18 u b’rabta max-xogħol ta’ Ludovico Antonio Muratori, Annali d’Italia. Fost il-pubblikazzjonijiet ta’ Dr Zammit insibu diversi artikli kemm dwar l-Ilsien Taljan kif ukoll dwar il-Letteratura Taljana fl-annwarju Seminarium.
L-aktar pubblikazzjonijiet reċenti tiegħu jirrigwardaw, fost l-oħrajn, it-taqsima dedikata lil-letteratura barokka fl-Antoloġija tal-Letteratura Taljana A Miracol mostrare, kif ukoll studju dwar l-istorja tal-forom devozzjonali f’Malta bejn tmiem is-seklu 17 u tmiem iż-żmien tal-Kavallieri, studju li deher is-sena l-oħra fir-rivista Perusia tal-Università ta’ Perugia. Fix-xhur li ġejjin huma mistennija żewġ pubblikazzjonijiet oħra ġewwa l-Italja, waħda dwar il-letteratura popolari reliġjuża f’Malta u l-oħra dwar deskrizzjonijiet xenografiċi tal-Missjonijiet f’Malta fil-bidu tas-seklu 18 imfassla fuq il-mudell tal-Missjonijiet tal-Ġiżwiti Taljani fis-seklu 17.